Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum (Ġw 6, 60-69) jurina r-reazzjoni ta-folla u tad-dixxipli għad-diskors ta’ Ġesù wara l-miraklu tal-ħobż. Ġesù għamel stedina biex in-nies jifhmu dak is-sinjal u jemmnu fih, li hu l-veru ħobż li niżel mis-sema, il-ħobż tal-ħajja; u spjega li l-ħobż li Hu jagħti huwa ġismu u demmu. Għal widnejn in-nies, dal-kliem jinħass iebes u diffiċli tifhmu, tant illi, minn dak il-ħin – jgħid l-Evanġelju – ħafna reġgħu lura, jiġifieri waqfu jimxu wara l-Imgħallem (vv. 60.66). Għalhekk Ġesù staqsa lit-tnax: “Tridux tmorru intom ukoll” (v. 67), u Pietru, f’isem sħabu kollha, jikkonferma d-deċiżjoni li jibqgħu miegħu: “Mulej, għand min immorru?  Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem u aħna emminna u għarfna li int il-Qaddis t’Alla” (Ġw 6, 68-69). U din hija stqarrija sabiħa tal-fidi.

Nieqfu għal ftit naraw l-atteġġjament ta’ dawk li telqu u li qatgħuha li ma jibqgħux jimxu wara Ġesù.  Minn xiex nibet dan in-nuqqas ta’ twemmin?  Għala din iċ-ċaħda?

Kliem Ġesù jqanqal skandlu kbir: Hu qed jgħid li Alla ried juri lilu nnifsu u jġib is-salvazzjoni fid-dgħufija tal-ġisem uman.  Huwa l-misteru tal-Inkarnazzjoni. U hija l-Inkarnazzjoni ta’ Alla li tixgħel l-iskandlu u għal dawk in-nies – u spiss għalina wkoll – issir ostaklu.  Infatti Ġesù jafferma li l-veru ħobż, li jagħti l-ħajja ta’ dejjem – hu ġismu stess; li biex nidħlu f’komunjoni ma’ Alla, qabel ma nħarsu l-liġijiet jew nissodisfaw il-preċetti reliġjużi, hemm bżonn ngħixu relazzjoni reali u konkreta miegħu. Għaliex is-salvazzjoni waslet bih, bl-inkarazzjoni tiegħu.   Dan ifisser li m’għandniex nimxu wara Alla bil-ħolm u bil-kburija u s-setgħa, imma għandna nagħrfuh fl-umanità ta’ Ġesù u, bħala konsegwenza, f’ħutna li niltaqgħu magħhom tul il-mixja tal-ħajja.  Alla ħa l-ġisem tagħna.  U meta ngħidu hekk, fil-Kredu nhar il-Milied, f’jum it-tħabbira, ninżlu għarkuptejna biex naduraw dan il-misteru tal-inkarnazzjoni. Alla sar ġisem u demm: ixxejjen billi sar bniedem bħalna, umilja ruħu billi ħa fuqu t-tbatijiet tagħna u d-dnub tagħna, u għalhekk jitlobna biex ma nfittxuhx ‘il barra mill-ħajja u mill-istorja, imma fir-relazzjoni ma’ Kristu u ma’ ħutna. Infittxuh fil-ħajja, fl-istorja, fil-ħajja ta’ kuljum. U din, ħuti, hi t-triq tal-laqgħa ma’ Alla: ir-relazzjoni ma’ Kristu u mal-aħwa.

Illum ukoll ir-rivelazzjoni ta’ Alla fl-umanità ta’ Ġesù tista’ tqanqal skandlu, u mhux ħafif li naċċettawha.  Hi dik li San Pawl isejħilha “l-bluha” tal-Evanġelju quddiem min ifittex il-mirakli u l-għerf tad-dinja (cfr 1 Kor 18-25). Dan l-iskandlu jidher ċar kristall fis-sagrament tal-Ewkaristija: x’sens jista’ jkollu f’għajnejn id-dinja, li mmilu rkuptejna quddiem biċċa ħobż? Għalfejn għandna niekluh regolarment? Id-dinja tiskandalizza ruħha.

Quddiem il-ġest straordinarju ta’ Ġesù li b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet tema’ eluf ta’ nies, kulħadd entużjazma ruħu u riedu jagħmluh re trijonfalment. Imma meta Hu nnifsu jispjega li dak il-ġest hu sinjal tas-sagrifiċċju tiegħu, jiġifieri r-rigal ta’ ħajtu, ta’ ġismu u ta’ demmu, u li min ried jimxu warajh kellu jiekol lilu, l-umanità tiegħu mogħtija bħala rigal lil Alla u lill-oħrajn, ma ntogħġbitx, dan Ġesù idaħħalna fi kriżi. Anzi, għandna nitħassbu kieku ma jdaħħlniex fi kriżi, għax forsi nkunu dgħajjfina l-messaġġ tiegħu! Nitolbu l-grazzja li nħallu “l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” tiegħu jipprovokawna u jikkonvertuna.

U Marija Santissma li ġarret fiha fil-ġisem lil Binha Ġesù u li nagħqdet miegħu fis-sagrifiċċju, tgħinna dejjem nagħtu xhieda tal-fidi tagħna b’ħajja konkreta.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Insellem lilkom ilkoll fidili minn Ruma u pellegrini minn diversi pajjiżi.  Hawn bosta pajjiżi hawn, qed narahom bis-saħħa tal-bnadar.

Insellem b’mod partikolari lis-saċerdoti u lis-seminaristi tal-Kuleġġ Pontifiċju tal-Amerika ta’ Fuq – qiegħdin hemm -; kif ukoll lill-familji minn Abbiategrasso u lil dawk tal-muturi mill-Polesine.

Dan il-Ħadd ukoll inħossni ferħan insellem diversi gruppi ta’ żgħażagħ: minn Cornuda, Covolo di Piave u Nogaré fid-djoċesi ta’ Treviso, minn Rogaredo f’Milan, minn Dalmine, minn Cagliari, minn Pescantina qrib Verona u l-grupp tal-iscouts minn Mantova.  Għeżież żgħażagħ, ħafna minnkom għaddew mill-esperjenza ta’ mixja twila flimkien: jalla dan jgħinkom biex fil-ħajja timxu fit-triq tal-Evanġelju.  U nsellem ukoll liż-żgħażagħ tal-Immacolata.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: Laikos