Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Il-Papa: Illum ma nistax noħroġ fit-tieqa għax għandi infezzjoni fil-pulmuni u se jaqra r-riflessjoni Mons. Braida għax jafha sew, għax hu jagħmilhom u dejjem ikunu tajbin ħafna! Grazzi ħafna tal-preżenza tagħkom.
Mons Braida:
Illum, l-aħħar Ħadd tas-Sena Liturġika hija s-Solennità ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu, l-Evanġelju jkellimna dwar il-ġudizzju universali (cfr Mt 25,31-46) u jgħidilna li dan se jkun dwar il-karità.
Ix-xena li għandna quddiemna hi ta’ sala rigali li fiha Ġesù,, “Bin il-Bniedem” (v. 31), qiegħed bilqiegħda fuq tron. Il-popli kollha huma miġburin f’riġlejh u fosthom jispikkaw “l-imbierkin” (v. 34), il-ħbieb tar-Re. Imma min huma? X’għandhom speċjali dawn il-ħbieb f’għajnejn Sidhom? Skont il-kriterji tad-dinja l-ħbieb tar-re għandhom ikunu dawk li jtuh ir-rikkezzi u s-setgħa, li għenuh jikseb territorji u jirbaħ il-battalji, għenuh jikber imqabbel ma rejiet oħra, u forsi jidher bħala stilla fuq l-ewwel faċċati tal-ġurnali inkella fuq il-mezzi soċjali, u lilhom imbagħad jgħidilhom: “Grazzi, għamiltuni sinjur, famuż, l-għira tal-oħrajn u jibżgħu minni” Dan skont il-kriterji tad-dinja.
Iżda skont il-kriterji ta’ Ġesù il-ħbieb huma oħrajn: huma dawk li servewh fl-aktar persuni dgħajfa. Dan għaliex Bin il-Bniedem huwa Re differenti għal kollox, li lill-foqra jsejħilhom “ħuti”, li jidentifika ruħu ma’ min hu bil-ġuħ, bil-għatx, barrani, marid, ħabsi, u jgħid: “kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi “ (v. 40). Hu Re sensibbli għall-problema tal-ġuħ, għall-ħtiġijiet ta’ xi dar, għall-mard, għall-priġunerija (cfr vv. 5-36): kollha realtajiet li sfortunatament dejjem huma attwali. L-imġewħin, il-persuni bla saqaf, spiss libsin kif ġie ġie, jimlew triqitna: niltaqgħu magħhom kuljum. U wkoll fil-kas ta’ mard u ħabs: ilkoll nafu xi jfisser tkun marid, tiżbalja u tbati l-konsegwenzi.
L-Evanġelju llum jgħidilna li aħna “mberkin” jekk inwieġbu għal dal-faqar bl-imħabba, bis-servizz: mhux indawru wiċċna n-naħa l-oħra, imma billi nitimgħu u nisqu, illibsu, nospitaw, inżuru, fi kliem ieħor inkunu qrib ta’ min hu fil-bżonn. Dan għaliex ir-Re tagħna li jgħid li hu Bin il-Bniedem, ħutu l-favoriti huma n-nisa u l-irġiel l-aktar dgħajfa. Is-“sala rjali” tiegħu hi mħejjija fejn jinsab min qed ibati u għandu bżonn l-għajnuna. Dan hu l-palazz tar-re tagħna. Huwa l-istil li bih ħbiebu għandhom sejħa biex jingħarfu, dawk li Ġesù hu l-Mulej, is-Sid tagħhom u għandhom l-istil tiegħu: il-kumpassjoni, il-ħniena, il-ħlewwa. Qalbhom tinnobilita ruħha u jinżlu bħaż-żejt fuq il-pjagi ta’ min hu miġruħ mill-ħajja.
Allura, ħuti, nistaqsu: aħna nemmnu li l-veru regalità hija l-ħniena? Nemmnu fil-qawwa tal-imħabba? Nemmnu li l-karità hi l-manifestazzjoni l-aktar rigali tal-bniedem, u hija esiġenza li n-nisrani ma jistax jaħrab minnha? U fl-aħħar, mistoqsija partikolari: jien ħabib tar-Re, inħoss li għandi ninvolvi ruħi personalment fil-ħtiġijiet tal-batuti li niltaqa’ magħhom fit-triqti?
Marija, Reġina tas-Sema u l-Art, tgħinna nħobbu lil Ġesù Sultan tagħna, fl-iżgħar fost ħutu.
Sors: laikos.org