Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Kemm-il darba dehret, fl-istorja tal-Knisja, it-tentazzjoni li nipprattikaw Kristjaneżmu privat, li ma jagħrafx l-importanza spiritwali tar-riti liturġiċi pubbliċi. Spiss din it-tendenza kienu jippruvaw jiġġustifikawha billi jgħidu li hi iktar pura reliġjożità li ma tiddependix miċ-ċerimonji esterni, li kienu meqjusin bħala piż bla siwi jew li jagħmel ħsara. Fiċ-ċentru tal-kritika kien ikun hemm mhux xi forma ritwali partikulari, jew mod determinat ta’ kif wieħed jiċċelebra, imma l-istess liturġija, il-forma liturġika tat-talb.

Fil-fatt, fil-Knisja nistgħu nsibu ċerti forom ta’ spiritwalità li ma għarfux kif jintegraw b’mod xieraq il-mument liturġiku. Ħafna fidili, imqar jekk jieħdu sehem assidwu fir-riti, speċjalment fil-Quddiesa tal-Ħadd, xorta fittxew ikel għall-fidi tagħhom u għall-ħajja spiritwali tagħhom minn għejun oħra, ta’ għamla devozzjonali.

Fl-aħħar għexieren ta’ snin, imxejna triq twila. Il-Kostituzzjoni Sacrosanctum Cocilium tal-Konċilju Vatikan II tirrappreżenta mument kruċjali f’dan il-vjaġġ. Hi tisħaq b’mod sħiħ u organiku fuq l-importanza tal-liturġija divina għall-ħajja tal-Insara, li fiha jsibu dik il-medjazzjoni oġġettiva mitluba mill-fatt li Ġesù Kristu mhuwiex idea jew sentiment, imma Persuna ħajja, u l-Misteru tiegħu hu ġrajja storika. It-talb tal-Insara jgħaddi minn medjazzjonijiet konkreti: l-Iskrittura Mqaddsa, is-Sagramenti, ir-riti liturġiċi, il-komunità. Fil-ħajja Nisranija ma nistgħux nitwarrbu mill-isfera korporja u materjali, għax f’Ġesù Kristu din saret triq ta’ salvazzjoni. Nistgħu ngħidu li għandna nitolbu wkoll bil-ġisem: il-ġisem jidħol fit-talb.

Għalhekk, ma teżistix spiritwalità Nisranija li m’għandhiex għeruqha fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri mqaddsa. Il-Katekiżmu jikteb: “Il-missjoni ta’ Kristu u tal-Ispirtu s-Santu li, fil-Liturġija sagramentali tal-Knisja, tħabbar, iġġedded u twassal il-Misteru tas-salvazzjoni, tkompli mbagħad fil-qalba bit-talb” (n. 2655). Il-liturġija, fiha nfisha, mhijiex biss talb spontanju, imma xi ħaġa iżjed minn hekk u iżjed oriġinali: hija att li fuqu hi msejsa l-esperjenza Nisranija kollha kemm hi u, għalhekk, anki t-talb hu ġrajja, hu xi ħaġa li sseħħ, hu preżenza, hu laqgħa. Hu laqgħa ma’ Kristu. Kristu jsir preżenti fl-Ispirtu s-Santu permezz tas-sinjali sagramentali: minn hawn għalina l-Insara toħroġ il-ħtieġa li nieħdu sehem fil-misteri divini. Kristjaneżmu mingħajr liturġija, nissogra ngħid li forsi hu Kristjaneżmu mingħajr Kristu. Mingħajr Kristu sħiħ. Imqar fl-aktar rit imneżża’, bħal dak li xi Nsara ċċelebraw u jiċċelebraw fil-postijiet fejn huma miżmuma priġunieri, jew fis-satra ta’ dar tul iż-żminijiet ta’ persekuzzjoni, Kristu jsir realment preżenti u jingħata għall-fidili tiegħu.

Il-liturġija, proprju minħabba d-dimensjoni oġġettiva tagħha, titlob li niċċelebraw bil-ħeġġa, biex il-grazzja msawba fir-rit ma tiġix mitlufa imma tilħaq il-ħajja ta’ kull persuna. Il-Katekiżmu jfissirha tajjeb ħafna u jgħid hekk: “It-talb inissel fina u jagħmel tagħna l-Liturġija aħna u nissieħbu fiha, u wkoll wara li tintemm” (ibid.). Ħafna talbiet Insara mhumiex ġejjin mil-liturġija, imma kollha, jekk huma Nsara, jippresupponu l-liturġija, jiġifieri l-medjazzjoni sagramentali ta’ Ġesù Kristu. Kull darba li niċċelebraw il-Magħmudija, jew nikkonsagraw il-ħobż u l-inbid fl-Ewkaristija, jew nidilku biż-Żejt imqaddes il-ġisem ta’ xi ħadd marid, Kristu jinsab hemm! Huwa hu li jaġixxi u hu preżenti, bħal meta fejjaq il-membri dgħajfa ta’ ġisem marid, jew meta fl-Aħħar Ċena ħalla t-testment tiegħu għas-salvazzjoni tad-dinja.

It-talba tan-Nisrani tagħmel tagħha l-preżenza sagramentali ta’ Ġesù. Dak li hu estern għalina jsir parti minna: il-liturġija tesprimih saħansitra bil-ġest hekk naturali tal-ikel. Il-quddiesa ma nistgħux biss “nisimgħuha”: lanqas hi espressjoni tajba din, “ħa mmur nisma’ quddiesa”. Il-quddiesa ma nistgħux nisimgħuha biss, bħallikieku aħna konna biss spettaturi ta’ xi ħaġa li tiżloqilna minn idejna bla ma nkunu involvejna ruħna fiha. Il-quddiesa dejjem hi ċċelebrata, u mhux biss mis-saċerdot li jippresediha, imma mill-Insara kollha li jgħixuha. U ċ-ċentru huwa Kristu! Ilkoll kemm aħna, fid-diversità tad-doni u tal-ministeri, ilkoll ningħaqdu mal-azzjoni tiegħu, għax huwa hu, Kristu, il-Protagonista tal-liturġija.

Meta l-ewwel Insara bdew jgħixu l-kult tagħhom, dan għamluh billi reġgħu wettqu l-ġesti u l-kliem ta’ Ġesù, bid-dawl u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, biex ħajjithom, milħuqa minn dik il-grazzja, setgħet issir sagrifiċċju spiritwali offrut lil Alla. Din kienet tassew “rivoluzzjoni”. Jikteb San Pawl fl-Ittra lir-Rumani: “Nitlobkom, l-aħwa, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom” (12:1). Il-ħajja hi msejħa ssir qima lil Alla, imma dan ma jistax jiġri mingħajr it-talb, speċjalment it-talba liturġika. Dan il-ħsieb jista’ jgħinna lkoll kemm aħna meta mmorru l-quddiesa: immur nitlob fil-komunità, immur nitlob ma’ Kristu li hu preżenti. Ngħidu aħna, meta mmorru għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Magħmudija, hemm Kristu hemm, preżenti, qed jgħammed. “Imma Dun, din hi idea, mod ta’ kif ngħidu”: le, mhijiex mod ta’ kif ngħidu. Kristu hu preżenti u fil-liturġija inti titlob ma’ Kristu li jinsab ħdejk.

Miġjuba għall-Malti minn Francesco Pio Attard