Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum se nitkellmu fuq dik l-għamla ta’ talba li hi l-meditazzjoni. Għan-Nisrani, li “timmedita” jfisser tfittex sinteżi: ifisser noqogħdu quddiem il-paġna kbira tar-Rivelazzjoni biex nagħmluha tagħna, nitwaħħdu magħha kompletament. U n-Nisrani, wara li jkunu laqa’ l-Kelma ta’ Alla, ma jżommhiex magħluqa fih, għax dik il-Kelma trid tiltaqa’ ma’ “ktieb ieħor”, li l-Katekiżmu jsejjaħlu “dak tal-ħajja” (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2706). Dan hu dak li nippruvaw nagħmlu kull darba li nimmeditaw il-Kelma.
Il-prattika tal-meditazzjoni f’dawn l-aħħar snin ingħatat attenzjoni kbira. Dwarha jitkellmu mhux biss l-Insara: teżisti prattika meditattiva ftit jew wisq f’kull reliġjon tad-dinja. Imma hija attività mxerrda anki bejn persuni li m’għandhomx viżjoni reliġjuża tal-ħajja. Ilkoll għandna bżonn nimmeditaw, nirriflettu, nerġgħu nsibu lilna nfusna, hija dinamika umana. Fuq kollox fid-dinja tal-Punent li donnu xejn ma jxebbagħha, hemm min ifittex il-meditazzjoni għax hi tirrappreżenta kenn għoli mill-istress ta’ kuljum u l-vojt li qed jimla kullimkien. Din hi, allura, ix-xbieha ta’ żgħażagħ u adulti bilqiegħda miġbura, fis-skiet, b’għajnejhom imbexxqa… Imma nistgħu nistaqsu lilna nfusna: x’qed jagħmlu dawn il-persuni? Qed jimmeditaw. Hu fenomenu li għandna nieħdu pjaċir narawh: fil-fatt aħna m’aħniex magħmulin biex niġru l-ħin kollu, għandna ħajja interjuri li mhux sew li dejjem nirfsuha. Għalhekk il-meditazzjoni kulħadd għandu bżonnha. Meta timmedita, biex ngħidu hekk, qisek qed tieqaf u tieħu nifs fil-ħajja.
Imma nintebħu li din il-kelma, meta nilqgħuha f’kuntest Nisrani, tassumi speċifiċità li m’għandhiex titwarrab. Il-meditazzjoni hija dimensjoni umana meħtieġa, imma l-meditazzjoni f’kuntest Nisrani tmur lil hemm minn hekk: hija dimensjoni li m’għandhiex titwarrab. Il-bieb il-kbir li minnu jgħaddi t-talb tal-imgħammed – ejjew nerġgħu niftakru f’dan – hu Ġesù Kristu. Għan-Nisrani l-meditazzjoni tidħol mill-bieb ta’ Ġesù Kristu. Anki l-prattika tal-meditazzjoni din it-triq issegwi. U n-Nisrani, meta jitlob, ma jaspirax għat-trasparenza sħiħa tiegħu nnifsu, ma jfittixx in-nukleu l-aktar fond tal-jien tiegħu. Din ħaġa tajba, imma n-Nisrani jfittex ħaġa oħra. It-talb tan-Nisrani hu qabelxejn laqgħa mal-Ieħor, mal-Ieħor bl-I kbira: il-laqgħa traxxendentali ma’ Alla. Jekk esperjenza ta’ talb tagħtina l-paċi interjuri, jew il-ħakma fuqna nfusna, jew iċ-ċarezza dwar x’mixja għandna naqbdu, dawn ir-riżultati huma, biex ngħidu hekk, effetti kollaterali tal-grazzja tat-talb Nisrani li hu l-laqgħa ma’ Ġesù, u allura li nimmeditaw ifisser nidħlu f’laqgħa ma’ Ġesù, imdawlin minn frażi jew minn kelma tal-Iskrittura Mqaddsa.
It-terminu “meditazzjoni” matul l-istorja kellu diversi tifsiriet. Anki fi ħdan il-Kristjaneżmu dan jirriferi għal esperjenzi spiritwali differenti. Madankollu, nistgħu nilmħu linja komuni, u f’dan jgħinna għal darb’oħra l-Katekiżmu, li jgħid hekk: “Il-metodi tal-meditazzjoni jvarjaw skont l-għalliema spiritwali. […] Iżda kull metodu hu biss gwida: l-importanti hu li wieħed jimxi ’l quddiem, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, mit-triq waħdanija tat-talb: Ġesù Kristu” (n. 2707). U hawn għandna sieħeb fil-mixja, wieħed li jiggwidana: l-Ispirtu s-Santu. Mhix possibbli l-meditazzjoni Nisranija mingħajr l-Ispirtu s-Santu. Hu li jiggwidana lejn il-laqgħa ma’ Ġesù. Ġesù kien qalilna: “Nibgħatilkom l-Ispirtu s-Santu. Hu jgħallimkom u jfissrilkom. Jgħallimkom u jfissrilkom”. U anki fil-meditazzjoni, l-Ispirtu s-Santu huwa l-gwida biex nimxu ’l quddiem fil-laqgħa tagħna ma’ Ġesù Kristu.
Għaldaqstant, huma ħafna l-metodi ta’ meditazzjoni Nisranija: xi wħud imneżżgħin ħafna, oħrajn iżjed mirquma; xi wħud jagħfsu fuq id-dimensjoni tal-intellett tal-persuna, oħrajn pjuttost fuq dik affettiva u emottiva. Huma metodi. Kollha huma importanti u kollha jixirqilhom li jiġu pprattikati, għax jistgħu jgħinu l-esperjenza tal-fidi u jsiru att totali tal-persuna: ma jitlobx il-moħħ waħdu, jitlob il-bniedem sħiħ, it-totalità tal-persuna, kif ma jitlobx biss is-sentiment. L-antiki kienu mdorrijin jgħidu li l-organu tat-talb hu l-qalb, u b’dan riedu jfissru li hu l-bniedem sħiħ, ibda miċ-ċentru tiegħu, mill-qalb, li jidħol f’relazzjoni ma’ Alla, u mhux biss xi fakultajiet tiegħu. Għalhekk irridu dejjem niftakru li l-metodu hu triq, mhux destinazzjoni: kull metodu ta’ talb, jekk irid ikun tabilħaqq Nisrani, jagħmel parti minn dik is-sequela Christi li hi l-essenza tal-fidi tagħna. Il-metodi ta’ meditazzjoni huma toroq li rridu nimxu biex naslu għal-laqgħa tagħna ma’ Ġesù, imma jekk int tieqaf fit-triq u tħares biss lejn it-triq, m’inti ħa ssibu qatt lil Ġesù. It-triq tibdilha f’alla tiegħek, imma t-triq hija mezz biex iwasslek għand Ġesù. Il-Katekiżmu jippreċiża: “Il-meditazzjoni timpenja l-ħsieb, l-immaġinazzjoni, l-emozzjonijiet u x-xewqat. Dan l-impenn meħtieġ biex tikber il-konvinzjoni tal-fidi, titqanqal il-qalb għall-indiema u l-konverżjoni, tissaħħaħ ir-rieda tal-mixi wara Kristu. It-talb Nisrani jfittex l-aktar li jimmedita ‘l-misteri ta’ Kristu’” (n. 2708).
Din hi mela l-grazzja tat-talb Nisrani: Kristu mhuwiex imbiegħed, imma hu dejjem f’relazzjoni magħna. Ma hemmx aspett fil-persuna divina-umana tiegħu li ma jistax isir għalina post ta’ salvazzjoni u ta’ kuntentizza. Kull mument tal-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art, permezz tal-grazzja tat-talb, jista’ jsir kontemporanju għalina, grazzi għall-Ispirtu s-Santu, il-gwida. Imma intom tafu li ma tistax titlob mingħajr id-dawl tal-Ispirtu s-Santu. Hu li jdawwalna! U grazzi għall-Ispirtu s-Santu, aħna wkoll ninsabu preżenti ħdejn ix-xmara Ġordan, meta Ġesù jinżel fiha biex jirċievi l-magħmudija. Aħna wkoll ninsabu mal-mejda fit-tieġ ta’ Kana, meta Ġesù jagħti l-ibnen inbid għall-ferħ tal-għarajjes, jiġifieri hu l-Ispirtu s-Santu li jorbotna ma’ dawn il-misteri tal-ħajja ta’ Kristu biex fil-kontemplazzjoni ta’ Ġesù nagħmlu l-esperjenza tat-talb biex ningħaqdu iktar miegħu. Aħna wkoll nassistu mistagħġba għall-elf fejqan li għamel l-Imgħallem. Naqbdu l-Vanġelu, nagħmlu l-meditazzjoni ta’ dawk il-misteri tal-Vanġelu u l-Ispirtu jmexxina biex inkunu preżenti hemm. U fit-talb – meta nitolbu – aħna lkoll bħall-imġiddem li jindaf, l-agħma Bartimew li jerġa’ jibda jara, Lazzru li joħroġ mill-qabar… Fit-talb aħna wkoll niġu mfejqa kif ġie mfejjaq l-agħma Bartimew, u l-ieħor, l-imġiddem… Anki aħna niġu mqajma mill-mewt, kif ġie mqajjem Lazzru, għax it-talb tal-meditazzjoni ggwidat mill-Ispirtu s-Santu, iwassalna biex ngħixu mill-ġdid dawn il-misteri tal-ħajja ta’ Kristu u biex niltaqgħu ma’ Kristu u flimkien mal-agħma ngħidu: “Mulej, ikollok ħniena minni! Ħenn għalija” – “Xi tridni nagħmillek?” – “Li nara”, nidħlu f’dan id-djalogu. U l-meditazzjoni Nisranija, immexxija mill-Ispirtu, twassalna għal dan id-djalogu ma’ Ġesù. M’hemmx paġna fil-Vanġelu kollu li ma għandhiex post għalina wkoll. Għalina l-Insara, li nimmeditaw hu mod kif niltaqgħu ma’ Ġesù. U hekk, hekk biss, insibu lilna nfusna. U dan ma jfissirx ningħalqu fina nfusna, le: immorru għand Ġesù u għand Ġesù niltaqgħu magħna nfusna, imfejqin, irxuxtati, imqawwija bil-grazzja ta’ Ġesù. U niltaqgħu ma’ Ġesù feddej ta’ kulħadd, anki tiegħi. U dan grazzi għad-dawl tal-Ispirtu s-Santu.
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard