Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Hemm kontestazzjoni qawwija għat-talb, li ġejja minn osservazzjoni li lkoll kemm aħna nagħmlu: aħna nitolbu, nitkarrbu, imma xi drabi t-talbiet tagħna jidhru donnhom mhux mismugħa: dak li nitolbu – għalina jew għall-oħrajn – ma jseħħx. Ħafna drabi ngħaddu minn din l-esperjenza. Jekk imbagħad ir-raġuni li għaliha tlabna kienet nobbli (kif tista’ tkun l-interċessjoni għas-saħħa ta’ xi ħadd marid, jew biex tieqaf il-gwerra), meta ma niġux mismugħa dan jidher skandaluż f’għajnejna. Ngħidu aħna, għall-gwerer: aħna qed nitolbu biex jintemmu l-gwerer, dawn il-gwerer f’tant partijiet tad-dinja, naħsbu fil-Yemen, naħsbu fis-Sirja, pajjiżi li ilhom fi gwerra s-snin, is-snin! Pajjiżi martri tal-gwerer, aħna nitolbu u l-gwerer ma jiqfux. Imma kif jista’ qatt ikun dan? “Xi wħud ma jibqgħux jitolbu għax jaħsbu li t-talba tagħhom mhux se tkun milqugħa” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 2734). Imma jekk Alla hu Missier, għaliex ma jismagħniex? Hu li żgurana li jagħti ħwejjeġ tajba lill-ulied li jitolbuhomlu (ara Mt 7:10), għaliex ma jweġibx għat-talbiet tagħna? Ilkoll għandna esperjenza ta’ dan: tlabna, tlabna, għall-fejqan ta’ dan il-ħabib, ta’ dan il-missier, ta’ din l-omm, u mbagħad mietu, Alla ma semagħniex. Hija esperjenza tagħna lkoll.
Il-Katekiżmu joffrilna sintesi tajba fuq l-argument. Iwissina kontra r-riskju li ma ngħixux esperjenza awtentika ta’ fidi, imma li nibdlu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla f’xi ħaġa maġika. It-talb mhuwiex xi bakketta maġika: huwa djalogu mal-Mulej. Fil-fatt, meta nitolbu nistgħu naqgħu fir-riskju li ma nkunux aħna li naqdu lil Alla, imma li nippretendu li għandu jkun hu li jaqdi lilna (ara n. 2735). Allura din hi talba li dejjem tipprotesta, li trid tindirizza l-ġrajjiet skont il-pjan tagħna, li ma tammettix pjanijiet oħra ħlief ix-xewqat tagħha. Imma Ġesù kien għaref tassew meta poġġa fuq fommna l-“Missierna”. Hija talba mimlija petizzjonijiet, kif nafu, imma l-ewwel li llissnu huma kollha favur Alla. Jitolbu li jitwettaq mhux il-pjan tagħna, imma r-rieda tiegħu għad-dinja. Aħjar inħallu lilu jagħmel: “Jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek, ikun li trid int” (Mt 6:9-10).
U l-Appostlu Pawlu jfakkarna li aħna bilkemm nafu x’għandna bżonn nitolbu (ara Rum 8:26). Aħna nitolbu għall-ħtiġijiet tagħna, il-bżonnijiet tagħna, il-ħwejjeġ li rridu aħna, “imma dan hu veru bżonnjuż jew le?”. Pawlu jgħidilna: aħna mank nafu x’għandna bżonn nitolbu. Meta nitolbu rridu nkunu umli: dan hu l-ewwel atteġġjament biex nitolbu bih. L-istess kif hemm id-drawwa f’tant postijiet li biex imorru l-knisja, in-nisa jilbsu l-velu jew jagħmlu l-ilma mbierek qabel jibdew jitolbu, hekk, qabel it-talb, irridu ngħidu lilna nfusna, x’inhu l-aktar meħtieġ, biex Alla jagħtini dan li l-aktar għandi bżonn: hu jaf. Meta nitolbu rridu nkunu umli, biex kliemna jkun effettivament dak tat-talb u mhux diskors bla siwi li Alla jirrifjutah. Nistgħu anki nkunu qed nitolbu għal raġunijiet żbaljati: ngħidu aħna, biex nirbħu lill-għadu fil-gwerra, mingħajr ma nistaqsu x’jaħseb Alla fuq dik il-gwerra. Faċli niktbu fuq stendard “Alla magħna”; ħafna huma anzjużi biex jiżguraw li Alla jinsab magħhom, imma ftit jagħtu kas biex jivverifikaw jekk huma effettivament humiex qegħdin fuq in-naħa ta’ Alla. Fit-talb, huwa Alla li jrid jikkonverti lilna, u mhux aħna li rridu nikkonvertu lil Alla. Hija l-umiltà. Jiena mmur nitlob imma int, Mulej, ibdel lil qalbi biex titlob dak li hu bżonnjuż, titlob dak li jkun l-aħjar għall-ġid spiritwali tiegħi.
Madankollu, jibqa’ l-iskandlu: meta l-bnedmin jitolbu b’qalb sinċiera, meta jitolbu ġid li jikkorrispondi għas-Saltna ta’ Alla, meta omm titlob għal binha marid, għaliex donnu kultant Alla ma jismax? Biex inwieġbu għal din il-mistoqsija, hemm bżonn nimmeditaw b’kalma l-Vanġeli. Ir-rakkonti tal-ħajja ta’ Ġesù huma mimlija talb: tant persuni miġruħa fil-ġisem u fir-ruħ jitolbuh ifejjaqhom; imbagħad hemm min jitolbu għal ħabib li m’għadux jimxi; hemm missirijiet u ommijiet li jeħdulu lil uliedhom morda… Huma kollha talbiet mgħaddsa fit-tbatija. Huwa kor immens li jitlob: “Ikollok ħniena minna!”.
Naraw li xi kultant it-tweġiba ta’ Ġesù tkun immedjata, imma f’xi każ ieħor iħalli ż-żmien jgħaddi: donnu Alla ma jweġibx. Naħsbu f’dik il-mara Kangħanija li tittallab lil Ġesù għal bintha: din il-mara jkollha tinsisti fit-tul biex tiġi mismugħa (ara Mt 15:21-28). Għandha wkoll l-umiltà li tisma’ kelma ta’ Ġesù li tidher xi ftit offensiva minn fomm Ġesù: ma rridux narmu l-ħobż f’ħalq il-klieb, il-ġriewi. Imma lil din il-mara ftit li xejn jimpurtaha l-umiljazzjoni: jimpurtaha s-saħħa ta’ bintha. U tibqa’ tagħfas: “Iva, imma anki l-ġriewi jieklu mill-frak li jaqa’ mill-mejda”, u din għoġbitu lil Ġesù. Il-kuraġġ fit-talb. Jew naħsbu fil-magħtub li ħadulu dawk l-erbat iħbieb: għall-bidu Ġesù ħafer id-dnubiet tiegħu u kien biss wara li fejjaqlu ġismu (ara Mk 2:1-12). Għalhekk, f’xi okkażjoni s-soluzzjoni tad-diffikultà ma tkunx immedjata. Anki f’ħajjitna, kull wieħed u waħda minna jkollu din l-esperjenza. Ejjew niftakru ftit: kemm drabi tlabna grazzja, miraklu, ħa nsejħulu hekk, u ma seħħ xejn. Imbagħad, maż-żmien, l-affarijiet tranġaw, imma bil-mod ta’ Alla, il-mod divin, mhux skont dak li aħna ridna f’dak il-ħin. Iż-żmien ta’ Alla mhuwiex iż-żmien tagħna.
Minn din il-perspettiva, jixraqlu attenzjoni fuq kollox il-fejqan ta’ bint Ġajru (ara Mk 5:21-33). Għandna missier b’qalbu mċarrta: bintu tinsab ħażin u għal din ir-raġuni jitlob l-għajnuna ta’ Ġesù. L-Imgħallem jaċċetta minufih, imma huma u sejrin lejn id-dar iseħħ fejqan ieħor, u mbagħad tasal l-aħbar li t-tifla mietet. Ikun jidher li spiċċa kollox, imma Ġesù jgħid lill-Missier: “Tibżax, biss inti emmen” (Mk 5:36). “Kompli emmen”: għax hija l-fidi li twieżen it-talb. U fil-fatt, Ġesù jerġa’ jqajjem lil dik it-tifla mir-raqda tal-mewt. Imma għal ċertu ħin, Ġajru kellu jimxi fid-dlam, bix-xrara tal-fidi biss mixgħula. Mulej, agħtini l-fidi! Kabbar fija l-fidi! Nitolbu din il-grazzja, li jkollna l-fidi. Ġesù, fil-Vanġelu, jgħid li l-fidi ċċaqlaq il-muntanji. Imma, irid ikollok fidi ta’ veru. Ġesù, quddiem il-fidi tal-foqra tiegħu, tal-bnedmin tiegħu, jaqa’ mirbuħ, iħoss qalbu tirtab bi ħlewwa speċjali, quddiem dik il-fidi. U jagħti widen.
Anki t-talba li Ġesù jagħmel lill-Missier fil-Ġetsemani donnha tibqa’ mhix mismugħa: “Missier, jekk tista’, warrab minni dak li hemm jistennieni”. Bħal donnu jidher li l-Missier ma tahx widen. L-Iben kellu jixrob sal-qiegħ nett il-kalċi tal-passjoni. Imma Sibt il-Għid mhuwiex il-kapitlu finali, għax fit-tielet jum, jiġifieri l-Ħadd, jasal il-qawmien. Il-ħażen hu sid tal-jum ta’ qabel tal-aħħar: ftakruh tajjeb dan. Il-ħażen qatt ma hu sid tal-aħħar jum, le: ta’ dak ta’ qabel tal-aħħar, il-mument fejn hu l-iżjed mudlam il-lejl, proprju qabel iż-żerniq. Hemm, fil-jum ta’ qabel tal-aħħar, hemm it-tentazzjoni li l-ħażen iġagħalna naħsbu li rebaħ hu: “Rajt? Jiena rbaħt!”. Il-ħażen hu sid tal-jum ta’ qabel tal-aħħar: l-aħħar jum hemm il-qawmien. Imma l-ħażen qatt mhu sid tal-aħħar jum: Alla hu s-Sid tal-aħħar jum. Għax dan jappartieni biss lil Alla, u hu l-jum li fih għad jitwettqu x-xenqat kollha tal-bniedem għas-salvazzjoni. Nitgħallmu dan is-sabar umli li nistennew il-grazzja tal-Mulej, nistennew l-aħħar jum. Tant drabi, il-jum ta’ qabel tal-aħħar ikun ikrah ħafna, għax it-tbatijiet tal-bnedmin huma koroh. Imma l-Mulej jinsab hemm u fl-aħħar jum se jsewwi kollox.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard