• Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

    16 ta’ Diċembru 2017

    Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fost ħafna storbju, għax li tgħid li “int leħen tgħajjat fid-deżert” (Ġw 1, 2-3), illum ma jagħmilx sens, imma l-istorbju jaf ukoll ikun aljenazzjoni, jaf ukoll jimpedixxi li aħna nikkomunikaw bejnietna.

    L-ewwel ħsieb li qed nieħdu mis-sitwazzjoni konkreta tagħna llejla huwa dan: qed nagħtu ċans biex inkunu flimkien fis-silenzju? Ħafna drabi tant nibżgħu mis-silenzju anke ta’ bejnietna, li nippreferu nkunu kontiwament fuq is-social media, li kif tidħol fid-dar tfittex il-vuċi tar-radju jew tat-televixin. Imma intom tafu li l-imħabba għandha l-kelma tagħha u l-imħabba għandha s-silenzju tagħha. 

    Qed nagħtu ċans biex inkunu flimkien fis-silenzju?

    Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna u nistennew it-twelid tal-Kelma ta’ Alla, noħolqu s-silenzju fejn inkunu nistgħu nilqugħha. Ħafna drabi fil-ħajja tal-familja qed jonqos dan is-silenzju, is-silenzju li permezz tiegħu jiena nisma’ lilek, mhux il-ħin kollu mdawwar bil-ħsejjes li ma jippermettux la li nitkellem u lanqas li nisimgħek.   

    Kemm tkun ħaġa sabiħa li ngħallmu lill-uliedna wkoll li jinfattmu mis-social communications għax ħafna drabi l-komunikazzjoni soċjali mhux qed tkun komunikazzjoni soċjali imma aljenazzjoni soċjali. Tara familji flimkien fuq sufan kulħadd mehdi bil-mezz preferit tal-komunikazzjoni, min jiffissa fuq t-televixin, min għandu l-ipad, min għandu lismart phone, imma m’hemmx komunikazzjoni bejnietna.  

    Il-liturġija tal-lum (ara 1Tess 5, 16-24) ukoll titkellem fuq il-ferħ. Il-ferħ mhuwiex dak artifiċjali li taf twiegħed ħajja bla rażan, jew ħajja ddrogata, bis-sokor, imma huwa l-ferħ ta’ min qiegħed fil-paċi miegħu nnifsu u ta’ min iħalli lil Alla jagħtih dan il-paċi.

    “Il-Mulej inibbet il-ġustizzja u l-foħrija quddiem kollha kemm huma l-ġnus” (Is 61, 11). Kelma oħra għall-ġustizzja fl-Iskrittura, fil-Kelma ta’ Alla, hija ‘fedeltà’. “Il-fedeltà u l-ġustizzja jitbewsu” kif jgħid is-salm għaliex għandhom l-istess app. Il-bniedem ġust huwa l-bniedem ta’ fedeltà, biex ma ngħidx ‘bniedem fidil’, għax tinstema’ naqra kerha bil-Malti. Il-bniedem ġust huwa bniedem li jgħix il-fedeltà.   

    Imma dak li jgħidilna Isaija hu li din il-fedeltà anke fiż-żwieġ, anke fil-ħajja tal-familja, dan il-foħrija huma frott tal-ħidma ta’ Alla fil-ħajja  tagħna. “Il-Mulej inibbet il-ġustizzja u l-foħrija quddiem kollha kemm huma l-ġnus.” Wara kollox, il-Mulej stess, biex ifaħħar u jiċċelebra l-ġustizzja, il-fedeltà tiegħu u anke tagħna, jiftakar fikom, għeżież miżżewwġin. “Hu libbisni b’ilbies is-salvazjoni, bil-mantar tal-ġustizzja.” Nistgħu ngħidu ‘bil-mantar tal-fedeltà’, “għattieni bħal għarus imżejjen b’kuruna, bħala għarusa tlellex bil-ġawhar tagħha” (v, 10). 

    Tkun ħaġa sabiħa li, barra l-valur tas-silenzju, nerġgħu niskopru l-valur tal-gratitudni.

    Il-koppja miżżewġa sabiħa għat-tieġ hija immaġini sabiħa, ikona sabiħa tal-fedeltà u tal-foħrija. Wara kollox, il-ferħ jiġi mill-ispirtu tal-foħrija, il-ferħ jiġi mill-gratitudni. Kemm tkun ħaġa sabiħa li, barra l-valur tas-silenzju, il-valur tal-fedeltà, nerġgħu niskopru fi ħdanna, fil-familji tagħna, il-valur tal-gratitudni: li aħna nkunu nistgħu ngħidu grazzi lil xulxin, tal-fedeltà anke fir-risq it-tajjeb u l-ħażin, tal-fatt li intom preżenti għal xulxin f’kull mument, tal-paċenjza li tieħdu b’xulxin, tal-fatt li dak li jkun isib lil xulxin f’kull mument. Kemm hemm bżonn nieqfu u ngħidu ‘grazzi’.  

    Ħafna drabi fil-kliemna nitrattaw lil xulxin for granted kważi qishom żewġ blatiet jaħbtu ma’ xulxin. Kemm hemm bżonn nieqfu u ngħidu: ‘imma jiena lill-mara qatt għidtilha prosit tal-ikel?’, ‘Imma jiena lir-raġel qatt għidtlu grazzi tax-xogħol li jagħmel?’ Aħna ħafna drabi, speċjalment fil-kultura tagħna l-Maltin, din l-imbierka kelma ‘grazzi’ donnha tiswa d-djamanti u d-deheb!  Kemm tkun ħaġa sabiħa, veru prezzjuża imma ma tiswiex daqshekk flus, nistgħu nużawha iżjed ta’ spiss. M’hemmx għalfejn ikollok il-credit card biex tgħid grazzi. Imma kemm ma ngħiduhiex! Fuq kull livell! Kemm hemm bżonn li aħna nkunu grati għax il-gratitudni timla l-qalb bil-ferħ li aħna qegħdin niċċelebraw f’din il-liturġija għalhekk qed tarawni bir-roża llum, mhux għax għandna xi baby girl, xorta baby boy se jitwieled.

    Quddiem Alla aħna lkoll mimlijin limiti, imma jħobbna kif aħna.

    “Xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1, 48). Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nkunu wkoll realisti waqt li nkunu grati għax aħna għandna l-limiti, għandna d-difetti. Jiena wara kollox nifhem x’jiġifieri li l-Mulej jixħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddej tiegħu. Imma hemm kwalitajiet ta’ ċokon, għax aħna quddiem Alla lkoll mimlijin limiti, imma jħobbna kif aħna, ħa grazzja magħna kif aħna, xeħet għajnejħ, ma warrabx ħarstu minna, “xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon  tal-qaddejja tiegħu. Minn issa ’l quddiem, kull nisel isejjaħli ħienja”. U din l-hena li hija ta’ Marija, għax dan huwa l-kliem misluf mill-għanja tal-Madonna, il-Magnificat, huwa wkoll tagħna, l-hena tagħna hija l-fatt li aħna konxji minn din il-ħarsa tal-Mulej fuqna, fuq kull wieħed u waħda minna. Il-Mulej xeħet għajnejh fuqek, xeħet għajnejh fuqna, fuq kull wieħed u waħda minna, u ħa grazzja magħna, ħa grazzja magħna! Bagħat lil ibnu biex jifdina, biex inkunu xbieha isbaħ tal-imħabba tiegħu.   

    “Ftakar fil-ħniena tiegħu” (v. 54). M’hemmx hena mingħajr ħniena. Jekk il-familja trid tagħmel l-esperjenza tal-ferħ, irid ikollha spazju għas-silenzju, irid ikollha spazju għall-fedeltà, irid ikollha spazju għall-gratitudni, imma fuq kollox irid ikollha spazju għall-ħniena. Għax aħna nogħtru, ilkoll kemm aħna fil-mixja tagħna. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn radikali li nħennu għal xulxin, li ngħadru lil xulxin.   

    Illum ejjew nitolbu l-grazzja li aħna, bħal Ġwanni, li ismu jfisser Alla ħanin, Johanan, inkunu mhux id-dawl, għalkemm qalilna “intom id-dawl tad-dinja”, imma nkunu qabel xejn xhieda tad-dawl li huwa Ġesù. U d-dawl jiġi bil-ġustizzja, jiġi bl-imħabba, u bil-verità jgħidilna San Pawl. “L-ulied id-dawl huma dawk li jgħarfu u jgħixu l-ġustizzja, il-verità u l-imħabba” (ara Ef 5, 9-11). U aħna hekk irridu nkunu, irridu nkunu bħal Ġwanni xhieda tad-dawl għax nafu li l-Mulej ħerqan li fostna, fil-qalb tagħna, fil-familji tagħna, inibbet il-ġustizzja u l-foħrija quddiem kollha kemm huma l-ġnus.

     Charles J. Scicluna                                                          

         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja