L-Arċisqof Charles Scicluna flimkien mal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi laqgħu lill‑awtoritajiet tal‑pajjiż għall-iskambju tal-awgurji tal-Milied fil-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt Valletta nhar is-Sibt 18 ta’ Diċembru 2021. L-Isqfijiet iltaqgħu mal-Prim Ministru Robert Abela u l-Kabinett, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-President George Vella.
Messaġġ lill-Prim Ministru Dr Robert Abela u membri tal-Kabinett
Onor. Prim Ministru, grazzi ħafna taż-żjara u l-preżenza tagħkom. Hu mument importanti għalina għax hu wkoll il-mument fejn inġeddu l-impenn tagħna li naħdmu flimkien għall-ġid tas-soċjetà.
Bħalma nagħmel kull sena — u hu dover tiegħi — nirringrazzja lill-Istat u lill-Gvern Malti li inti tmexxi, ta’ dak kollu li jagħmel biex jgħin il-ħidma soċjali tal-Knisja imma wkoll li jiddefendi l-libertà tal-kult tal-poplu tagħna. Qegħdin ngħixu f’mument ta’ emerġenza u napprezzaw ħafna l-fatt li meta jkollna djalogu mal-awtoritajiet u mal-Gvern, insibu apprezzament u koperazzjoni. Dan hu importanti.
Inħoss li għandna d-dover ukoll li nimpenjaw ruħna iżjed fil-formazzjoni taż-żgħażagħ tagħna biex l-għażliet li jagħmlu jkunu tajbin. Inti trid tmexxi l-libertà tal-bniedem għat-tajjeb li hi ftit għat-telgħa. Imma nixtieq nirringrazzja wkoll lilek u lill-membri kollha membri tal-Kabinett ta’ dak kollu li rnexxielna nagħmlu flimkien. Hemm ħafna affarijiet, il-lista hi twila, imma f’isem il-Knisja dan hu wkoll mument li nawgura lill-istituzzjonijiet kollha tal-Istat u tal-Gvern sabiex jaħdmu għall-ġid komuni.
Prim Ministru, inti trid taħseb għall-istaġun ta’ ħafna dibattiti — wasal ukoll għax kollox jasal —imma nawgura li d-diskors ikun rispettuż u matur. Din hi xi ħaġa li wkoll se ngħidha lill-Ispeaker tal-Kamra. Nifhem ukoll l-impenn li nagħmlu bħala soċjetà biex ir-reputazzjoni ta’ Malta tkompli titjieb għax għandna bżonn; dan hu parti mill-ġid komuni tagħna.
Verament nixtieq nawgura lilek u lill-kabinett kollu kull ġid u barka għall-Milied u s-Sena l-Ġdida.
Messaġġ lill-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech
Nixtieq nirringrazzjak Onor. Kap tal-Oppożizzjoni tal-ġest ġentili tiegħek li tilqa’ l-istedina tagħna sabiex naqsmu x-xewqat sbieħ ta’ Milied u sena tajba mimlijin risq u barka.
Nixtieq ukoll nuri l-apprezzament tal-Knisja f’Malta tas-sehem tal-Oppożizzjoni u anke tal-Partit Nazzjonalista fid-dibattitu internazzjonali għax dan hu proċess importanti u hi preżenza importanti għad-demokrazija.
Li jkollna konfront leali u rispettuż hu wkoll il-qofol tal-paċi soċjali. Bħalma għedt ukoll lill-Prim Ministru u lill-membri tal-Kabinett, issa se jiġu xhur li mingħajr ma rridu d-dibattitu se jiżdied u jkun iktar aġitat. Fid-dawl ta’ dan, tajjeb li nżommu r-rispett lejn xulxin u jkollna l-ġenerożità li niddibattu fuq il-prinċipji u nagħmlu ħilitna biex il-proposti jkunu tassew għall-ġid komuni. Quddiem ċerti realtajiet nixtieq nitlob ukoll l-appoġġ tal-verifika biex niffaċilitaw għażliet b’mod speċjali fil-ġenerazzjoni żagħżugħa li ma jkissruhiex imma jgħinuha tikber. Għandna ħafna proposti u allura rridu norjentaw il-libertà tal-bniedem għat-tajjeb.
Nixtieq ukoll nawgura lill-kollegi tiegħek, lill-membri kollha tesserati u l-uffiċjali, kull ġid u barka u anke sens kbir ta’ ġustizzja soċjali u ta’ solidarjetà li fuq kollox huma l-qofol tal-prinċipji Kristjani tad-demokrazija. Grazzi.
Messaġġ lill-Ispeaker Dr Anġlu Farrugia
Onorevoli President tal-Kamra tad-Deputati, Onorevoli Speaker, nirringrazzjak ħafna ta’ din il-ġentilezza li tiġu biex niġu nirreċiprokaw l-awgurju.
Din hi sena importanti ħafna anke fl-istorja ta’ din l-istituzzjoni importanti f’pajjiżna. Hi storja li permezz tagħha l-poplu tagħna għadda minn diversi esperjenzi fil-ħajja kostituzzjonali tiegħu. Nixtieq nawgura lilek u lill-Parlament id-doni kollha tal-għerf u tal-għaqal, u li x-xhur li ġejjin — għax il-kalendarju ma jaħfirha lil ħadd — iwasslukom għat-tmiem ta’ din il-leġiżlatura u bejnietkom ikun hemm spirtu ta’ rispett reċiproku u spirtu ta’ xogħol għall-ġid komuni. Naħseb li mhux faċli li tkun Speaker.
Nawgura wkoll li fl-istituzzjonijiet kollha tal-Parlament, il-poplu mhux biss iħossu rappreżentat imma wkoll stmat fid-dinjità tiegħu. Ma nistax nifhem kif li kumitat tal-Parlament isejjaħ lil xi ħadd biex jidher quddiemu u ma jkollux ir-risposti li qed jitlob, għal raġuni jew għal oħra. Inħoss li din l-istituzzjoni tal-pajjiż għandha tgawdi mir-rispett konkret u għandha tkun ukoll il-vuċi tal-poplu li jitlob kont, li jesiġi l-kontabbiltà. Din mhix ħaġa faċli u lanqas hi awtomatika imma nemmen li b’rieda tajba u bil-mod il-mod naslu.
Messaġġ lill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-membri tal-Ġudikatura
Onorevoli Prim Imħallef, l-ewwel nett nirringrazzjakom ħafna ta’ din il-ġentilezza kbira li tiġu biex nirreċiprokaw u nagħmlu l-iskambju tal-awgurju tal-Milied u għas-Sena l-Ġdida.
Nixtieq nirringrazzja lill-ġudikatura u lill-maġistratura tax-xogħol u tax-xhieda li tagħtu. Il-poplu jinnota, u x-xogħol tagħkom, għalkemm hu xogħol ta’ responsabbiltà — u b’xi mod aħna ġieli nkunu ingrati — jagħmel impatt fuq is-soċjetà.
Nirringrazzjakom ukoll ta’ kemm-il darba f’ċirkustanzi diffiċli, intom tkunu rappreżentanti tal-għatx kbir li hemm fis-soċjetà għall-verità u l-ġustizzja, għar-rispett, b’mod speċjali wkoll għal dik il-qalb li naraha ħafna mill-membri tal-ġudikatura tal-grazzja ta’ Alla, li inti tidħol fl-ambjent uman, imma l-ġustizzja twassalha b’qalb kbira u anke b’ħafna għerf.
Nawguralkom ħafna fil-missjoni tagħkom għax il-poplu għandu bżonn il-ġustizzja bħala l-pedament tal-ġid komuni. Jekk ma jkollniex l-ġustizzja mhux se jkollna paċi. Il-vera paċi hi bbażata fuq il-ġustizzja.
L-imħallef xogħlu hu li jaqta’ s-sentenzi u fil-ħajja ma tistax togħġob lil kulħadd imma naħseb li l-persuna li tkun qed tidher quddiemkom, avolja ma taqbilx mad-deċiżjoni tagħkom, ikollha ftit sens u tgħid li l-imħallef jew il-maġistrat kellu raġun.
Dan is-sentiment hu prezzjuż u hu wkoll pedament ta’ ċiviltà. Jekk ma jkollniex dan is-sens ta’ ġustizzja, iċ-ċiviltà tagħna tkun f’defiċit kbir. Nirringrazzjakom ħafna.