L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Ebda sura ma kellu u ebda ġmiel biex inħarsu lejh jew xi sura biex nitgħaxxqu bih. Kien imżeblah u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard” (Iż 53:2-3).

F’dawn il-ġranet dawn il-kelmiet ta’ Ġesù għandhom profezija qawwija. Ġejjin mill-ktieb ta’ Iżaija u japplikaw għal Ġesù b’mod straordinarju tant li l-ewwel Insara huma u  jaqraw l-profeziji ta’ Iżaija kienu jagħrfu dak li ġara mill-Mulej. “Bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard” (Is 53:3).

Illum il-ħsieb tiegħi jmur lejn it-350 persuna li ntlaqtu mill-marda tal-COVID-19. Il-ħsieb tiegħi jmur lejn iż-żewġ vittmi li din il-marda diġà ħasdet.

Il-ħsieb tiegħi imur lejn kull min f’dawn iċ-ċirkustanzi ta’ ansjetà, ta’ inċertezza, ta’ dlam jistaqsi l-mistoqsija li staqsa Ġesù stess fuq is-salib meta uża l-kliem tas-Salm 22: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (S 22:2).

Il-mistoqsija li ħafna nies iħossu fil-qalb tagħhom hija: ‘Fejn hu Alla f’dan kollu?’ Hija domanda ġusta, leġittima. Ir-risposta għaliha hija diffiċli għaliex Alla mhuwiex ’il bogħod; Alla f’dawn iċ-ċirkustanzi huwa magħna u wieħed minna. “Bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard” (Iż 53:3) Dan hu l-Iben ta’ Alla msallab għalina. Aħna żeblahnieh, sallabnieh.

Kif jgħid il-profeta Iżaija fl-Ewwel Qari li smajna llum: “Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna” (Iż 53:5). Il-profezija ta’ Iżaija tħares lejn il-Mulej, lejn il-qaddej ta’ Alla mislub u titkellem dwar saħħa u fejqan.

Illum nitolbu li għall-pjagi divini tas-sinjur tagħna Ġesù Kristu, il-passjoni tal-Mulej tkun għalina għajn ta’ saħħa u fejqan. “Il-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard. Talli joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni, huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih. Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl, jixba’ bit-tagħrif tiegħu. Il-ġust jiġġustifka lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu” (Iż 53:10-11).

Aħna u nħarsu lejn il-Mulej kurċifiss illum, ejjew ukoll ma ninsewx din il-profezija li titkellem dwar id-dawl, is-sebħ, li titkellem dwar il-fwieħa ta’ bidu ġdid. Ir-rakkont tal-passjoni skont San Ġwann jispiċċa b’ammont kbir ta’ ħwawar, ta’ sabbara, ta’ fwieħa. San Ġwann jgħidilna l-Lhud kienu jużawhom għad-difna. Dawn iġibhom Nikodemu, dak li ltaqa’ ma’ Ġesù fid-dlam. U Ġużeppi ta’ Arimatea jpoġġi lill-Mulej, il-ġisem tiegħu, f’qabar ġdid ġo ġnien. Il-fwieħa tas-sabbara, il-ġnien li fih jindifen il-Mulej, huma diġà sinjal ta’ bidu ġdid, ta’ rebbiegħa ġdida.

Aħna u naduraw ’il Mulej illum imsallab għalina, ejjew inħarsu lejh merfugħ ’il fuq u minnu nieħdu l-fejqan tal-pjagi kollha tar-ruħ tagħna filwaqt li nitolbu l-grazzja tal-fejqan u l-ħarsien għal pajjiżna u għad-dinja.

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta 

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 52, 13 – 53, 12
Salm: 30 (31), 2.6.12-13.15-16.17. 25
Qari II: Lhud 4, 14-16; 5, 7-9
Evanġelju: Ġw 18, 1 – 19, 42

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti