-
-
Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) hija tal‑fehma li l-policy proposta dwar il‑pompi tal‑petrol ma ġietx riveduta sew qabel ma ġiet ippubblikata u li t-tħejjija tagħha saret b’ħafna għaġla. Dan forsi minħabba l‑protesti assertivi li saru u li kienu qed jibdew jimbarazzaw lill‑awtoritajiet.
Il-policy proposta tgħid: “Any fuel station permitted by this policy document which is not used for a period of three consecutive years within thirty years from the date of the issue of the permit, and/or is not used for its permitted purpose shall be demolished at the expense of the owner, and the site has to return to agricultural state”. Madanakollu, l‑istess policy aktar qabel tgħid li ebda pompa tal‑petrol mhi se titħalla tinbena fuq art agrikola. Jekk huwa hekk, kif tista’ l‑art terġa’ ssir art agrikola, jekk suppost li ma nbniet l‑ebda pompa tal‑petrol fuqha?
Dan jixhed sens ta’ insensittività lejn l‑artijiet barra miż‑żoni tal‑iżvilupp. Dan ilu żmien jinkwieta lil dawk iċ‑ċittadini ta’ kuxjenza li ma jixtiqux jaraw l‑ambjent naturali u kulturali jisfa vittma ta’ interessi finanzjarji.
Id‑dokument jagħti x’jifhem li l‑applikazzjonijiet pendenti ser jiġu deċiżi skont din il‑policy l‑ġdida. Imma kif jista’ dan ikun il‑każ, jekk ma jiġix emendat l‑Att dwar l‑Ippjanar tal‑Iżvilupp? L‑Artiklu 72 (2) ta’ dan l‑Att jgħid ċar u tond li fid‑determinazzjoni ta’ applikazzjoni għall‑permess għall‑iżvilupp, il‑Bord tal‑Ippjanar għandu jirreferi biss għal pjanijiet, policies jew regolamenti li ġew iffinalizzati u approvati mill‑Ministru (responsabbli mill‑ippjanar) jew mill‑Kamra tad‑Deputati skont il‑każ u pubblikati. Jidher ċar, għalhekk, li f’deċiżjonjiet dwar applikazzjonijiet għall‑iżvilupp, wieħed irid iqis biss dak li jgħidu dawn il‑policies approvati.
It‑tħejjija ta’ din il‑policy ħadet ħafna żmien. Għalhekk il‑KA kienet tistenna li l‑policy proposta tidħol aktar fil‑fond fit‑tifsira tal‑iskop. Konna nistennew ukoll li d‑dokument jagħti n‑numru tal‑pompi tal‑petrol li kellhom il‑ħtieġa li jiġu rilokati, bid‑dettalji dwar il‑post fejn jinsabu bħalissa u x’livell ta’ riskju qed joħolqu għaż‑żoni residenzjali.
Skont il‑KA, il‑policy proposta għandha tiddefinixxi sew it‑terminu ‘rilokazzjoni’ billi tispeċifika d‑distanza bejn il‑pompa tal‑petrol l‑antika u dik li se tkun qed tinbena flokha. Pompa tal‑petrol tipprovdi servizz lill‑vetturi li jkunu għaddejjin minn inħawi partikulari u għandha tkompli tforni dan is‑servizz kemm jista’ jkun fl‑istess lokalità ġenerali.
Fl‑aħħar nett il‑KA tħoss li l‑ħtieġa li jiġu rilokati pompi tal‑petrol eżistenti, aktar ma jgħaddi ż‑żmien, qed issir inqas rilevanti minħabba l‑miri li l‑Gvern stess qed jagħmel biex minn diesel jew petrol il‑vetturi jmorru għal sorsi oħra ta’ enerġija.
Agħfas hawn biex taqra l-istqarrija sħiħa bil-Malti tal-Kummissjoni Ambjent.Agħfas hawn biex taqra l-istqarrija sħiħa bl-Ingliż tal-Kummissjoni Ambjent.