Pope in Portugal

“Il-Portugiżi qed jiskopru il-veru stampa tal-Papa Benedittu XVI, lib l-ebda mod ma hu dak ta’ xi ħadd maqtugħ min-nies jew miġbud”. Dan qalu d-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, il-Ġiżwita Federico Lombardi mal-ġurnalista Aura de Miguel f’intervista dwar l-ewwel parti mill-vjaġġ tal-Papa li jinsab erbat ijiem fil-Portugal.

“Il-waqfa f’Lisbona kienet sabiħa mmens, fejn il-Papa ra folol kbar ta’ nies, mhux biss għall-quddies iżda anki fit-toroq, b’enyużjażmu qawwi”. Kompla Patri Lombardi fl-ewwel kummenti tiegħu. Żied li “l-Portugiżi ħasbu li l-Papa hu miġbud u maqtugħ min-nies u issa sabu li hu l-kuntrarju. Tabilħaqq li huwa diskret, pero fl-istess ħin huwa dħuli u mimli mħabba. Dan deher u jibqa’ jidher ċar fil-laqgħat maż-żgħażagħ u mat-tfal. Dan hu mill-ewwel riżultati ta’ diż-żjara”.

Patri Lombardi kompla jgħid li Lisbona kienet preżentata bħala “belt mill-iktar sekularizzata”, pero issa qed tiskopri kemm il-Kap tal-Knisja Universali “jħobb lill-poplu Portugiż”. Dan l-entużjażmu qal li jidher ċar fix-xewqa tal-Portugiżi li jiltaqgħu mal-Papa, “xewqa riflessa fit-tbissima, fil-ferħ, fil-kant u fil-preżenża tan-nies fit-toroq huwa u għaddej il-Papa”.

Il-Kelliem għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan temm jgħid li s-sodisfazzjon huwa wkoll tal-Papa li jinsab “kuntent ħafna” għall-merħba li ngħata fil-Portugal.