Nhar l-Erbgħa, 13 ta’ Jannar 2010, l-Eċċellenza Tiegħu, Dr George Abela żar is-Seminarju Maġġuri f’Tal-Virtù. Din l-istedina saret mir-Rettur u l-istaff tas-Seminarju bħala parti mir-riflessjoni fuq l-identità tal-qassis djoċesan. Dr George Abela kien mistieden jaqsam mas-seminaristi l-ħsibijiet tiegħu dwar kif jara l-preżenza tal-qassis fis-soċjetà Maltija illum. Is-seminarju jifhem li huwa permezz ta’ dan id-djalogu wiesgħa li jista’ jagħraf u japprezza aktar is-sejħa għas-saċerdozju fid-dinja tal-lum.
Dr Abela intlaqa’ mir-Rettur Rev. Dr Jimmy Bonnici u mill-Viċi-Rettur Mons. Alex Cordina. Wara l-Innu Malti, ir-Rettur għamel diskors ta’ merħba u apprezzament. Fl-indirizz tiegħu, il-President tkellem dwar ir-rwol tas-saċerdot fis-soċjetà Maltija llum.
Dr Abela qal li tista’ tagħmel lista sħiħa ta’ x’wieħed jaħseb li hu r-rwol tas-saċerdot: konfessur, counsellor, psikologu, terapista… imma l-missjoni prinċipali tal-qassis qal, toħroġ l-aktar fir-ri-evanġelizzazzjoni tas-soċjetà. Hija, fi kliem il-Papa Benedittu, li tkun hemm kollok kemm int għall-oħrajn filwaqt li tippreżenta lil Kristu bħala tama u li l-ħajja ta’ min jgħixha, kompla jgħid il-President. “Hija ħajja li tgħaqqad il-moħħ u l-qalb billi nagħtu xhieda tal-kompassjoni, tal-ħniena, għarfien u mħabba ta’ Kristu. Permezz tat-teknoloġija u l-globalizzazzjoni sirna lkoll ġirien, imma sirna aħwa? Hija din ix-xhieda ta’ kompassjoni u fraternità li s-soċjetà qiegħda tistenna mis-saċerdot”, temm jgħid Dr Abela.
Wara li wieġeb għad-domandi, Dr Abela wera l-apprezzament tiegħu tal-istedina li saritlu biex iżur is-Seminarju. Huwa ammetta li ma stenniex numru kbir ta’ seminaristi, li bħalissa jgħoddu 36, u qal li meta wieħed jara dan il-“ħsad li ħareġ mill-familja Maltija, esperimenti ta’ forom differenti ta’ familja ċertament mhux bżonnjużi!”
Iż-żjara tal-President intemmet b’riċeviment fejn huwa ltaqa’ personalment ma’ membri varji tal-Komunità tas-Seminarju.
Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]
Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.