Jewish sinagogue in Rome

Waqt iż-żjara li se jagħmel lill-komunita Lhudija ta’ Ruma nhar il-Ħadd li ġej, il-Papa Benedittu XVI se jonora lil iktar minn elf vittma tad-deportazzjoni tan-Nażi fl-1943. Il-programm ngħata fid-dettall f’xandira fuq Radju Vatikan.

L-ewwel waqfa tal-Papa se tkun quddiem il-plakka li tfakkar ir-rejd ordnat fis-16 t’Ottubru 1943 mill-kmandant  Herbert Kappler fuq talba ta’ Berlin. Aktar minn elf Lhudi Roman kien arrestat u deportat lejn Auschwitz fuq dik l-ordni. Kienu biss 16-il persuna, inkluż mara, li setgħu jerġgħu lura minn hemm. Il-Kap tal-Knisja Kattolika se jkun qed ipoġġi fjuri b’tislima lil dawk il-vittmi.

Il-waqfa li jkun imiss se tkun tikkonsisti f’tislima lill-vittmi tal-vjolenza; tifel li nqatel fl-attakk terroristiku tal-1982 fis-sinagoga. Minbarra l-madwar 37 midruba, kien Stefano Tache, ta’ sentejn, li tilef ħajtu f’dak l-attakk.

Quddiem it-taraġ tas-sinagoga, il-Papa mistenni jingħata merħba mill-Grand Rabbi Riccardo di Segni. Mad-dħul fis-sinagoga, il-kor se jkun qed ikanta Salm 126, waqt li l-Qdusija Tiegħu isellem lill-awtoritajiet ċivili.

Wara d-diskorsi mill-Presidenti tal-komunitajiet Lhud ta’ Ruma u l-Italja u d-diskors tal-Grand Rabbi, il-kor għandu jkanta Salm 133 li jkun segwit mid-diskors tal-Papa Benedittu XVI.

Qabel ma jirritorna l-Vatikan, il-Papa skedat li jiltaqa’ fil-privat mal-Grand Rabbi u jżur ukoll il-mużew Lhudi.