Ninni, la tibkix iżjed, ninni… O lejl ta’ skiet, lejl tal-Milied, Għanja ħelwa… Qed jinfirex mal-widien, leħen l-anġli tas-Smewwiet… in-noti tal-għanjiet tradizzjonali Maltin tal-Milied, fil-jiem li għaddew, u b’mod speċjali fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa dwew madwar it-toroq tal-bliet u l-irħula Maltin hekk kif mijiet ta’ nies akkumpanjaw il-purċissjoni tradizzjonali tal-Milied.

Joe Galea, Segretarju Ġenerali tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, il-MUSEUM, qal lil IL-ĠENSillum online dil-ġimgħa li l-purċissjoni, mibdija minn San Ġorġ Preca 88 sena ilu, illum issir f’66 lokalità f’Malta u Għawdex u f’ħames postijiet oħra madwar id-dinja.

L-ewwel purċissjoni bil-Bambin saret fl-1921 fil-Ħamrun, minn xewqa li kellu San Ġorġ Preca li jiċċelebra l-Milied b’xi ħaġa speċjali biex kulħadd jifraħ fit-twelid ta’ Ġesù tarbija.

“Il-Milied kellu tifsira speċjali għal Dun Ġorġ. Ma kenitx biss festa tat-tfal, iżda tat-tfal u tal-kbar flimkien, għax aħna lkoll ġejna mifdija minn Kristu, l-Iben t’Alla li sar bniedem,” huwa qal. “Bħal San Franġisk, li 700 sena qabel ħassu mqanqal biex jagħmel l-ewwel presepju, Dun Ġorġ lejn Diċembru tas-sena 1921 ried jiċċelebra Milied speċjali”.

Biex tkun taf aktar dwar din l-istorja, żur is-sit www.il-gensillum.com