Aktar kmieni llum saret il-purċissjoni tradizzjonali bl-Ewkaristija mat-toroq ewlenin tal-Belt Valletta. Bħal-lum, il-Knisja tiċċelebra s‑Solennità tal‑Ġisem u d‑Demm Imqaddes ta’ Ġesù, magħruf l-aktar bħala Corpus Christi.
L-Arċisqof Charles Scicluna ċċelebra quddiesa fid-9:30am mill-Konkatidral ta’ San Ġwann fl-okkażjoni ta’ din il-festa.
Din il-quddiesa xxandret ukoll fuq TVM, knisja.mt, Newsbook.com.mt u l‑istazzjon tar‑radju 103.
F’dawn l-aħħar snin, din il-purċissjoni saret fl-Imdina iżda tradizzjonalment din il-purċissjoni dejjem saret fil-Belt Valletta.
Il-festa ta’ Corpus kienet tiġi ċċelebrata nhar Ħamis ix-Xirka għaliex propju dakinhar, fil-preżenza tal-appostli, Kristu waqqaf is-Sagrament tal-Ewkaristija. Iżda minħabba s-solennità tal-festa tal-Għid, meta l-attenzjoni kollha tkun fuq il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, il-festa ta’ Corpus bdiet tiġi ċċelebrata Ħadd fuq il-festa tat-Trinità.
F’dan il-jum tant importanti għall-Knisja, l-Insara huma mħeġġa jaħsbu dwar l-importanza ta’ Kristu Ewkaristija fil-ħajja tagħhom.
Sors: Newsbook Malta