L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Qegħdin jumejn qabel il-festa kbira ta’ Corpus Christi – is-solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes tal-Mulej – u nixtieq li naħsbu ftit fuq l-Ewkaristija, u dak li tfisser għall-ħajja tagħna.

Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, għandna l-kelma – smajna llum fl-Evanġelju li lil Ġesù, “il-kotra kbira ta’ nies qagħdet tisimgħu bil-qalb kollha” (Mk 12:37). Hu importanti li nisimgħu l-kelma, għax hemm il-preżenza tal-Mulej. U għandna wkoll l-Ewkaristija, il-preżenza tal-Mulej. Niftakru fl-Aħħar Ċena, meta Ġesù qabad il-ħobż u qal “Dan hu ġismi”, u tah lid-dixxipli tiegħu; u qabad il-kalċi bl-inbid, u qal: “Dan hu demmi”. Ried li d-dixxipli jiċċelebraw din il-preżenza reali tiegħu, kif fil-fatt baqgħet tagħmel dejjem il-Knisja tul is-snin. L-Ewkaristija hija l-preżenza reali ta’ Ġesù; hija wkoll l-ikel li jsostnina fil-mixja tal-ħajja tagħna.

Aħna kellna ċans infakkru kemm-il darba, u nerġgħu nfakkru, li min hu b’saħħtu għandu jmur il-knisja jieħu sehem fl-Ewkaristija. Għal min hu b’saħħtu, il-quddiesa trasmessa fuq it-TV jew fil-media soċjali mhijiex alternattiva – jiġifieri li int tista’ tagħżel waħda jew l-oħra – imma min hu b’saħħtu għandu jmur jieħu sehem fl-Ewkaristija fil-knisja. Min hu marid, jew anzjan u ma joħroġx mid-dar, jew rikoverat id-dar, jew b’xi mod jew ieħor ma jistax jieħu sehem fil-knisja, jagħmel tajjeb li jsegwi l-quddiesa trasmessa fuq it-TV u l-media soċjali għax din tkun ta’ għajnuna kbira għall-ħajja tiegħu jew tagħha.

Aħna hawnhekk niċċelebraw bil-qima l-Ewkaristija. Irridu niftakru li l-qima tiġi mill-qalb, u tiġi minn fidi li tgħinna biex ikollna dejjem dan ir-rispett lejn l-Ewkaristija, l-imħabba kbira lejn Ġesù realment preżenti fl-Ewkaristija. Hawn min, b’mod żbaljat, jgħaqqad il-qima mal-mod kif tirċevi l-Ewkaristija. Hawn min jgħid: jekk tirċievi l-Ewkaristija fuq ilsienek, qed turi qima kbira; jekk tirċeviha fuq idejk, il-qima hija inqas. Dan hu diskors li jħawwad il-moħħ u l-qalb. Fl-istorja tal-Knisja, jekk immorru lura għall-ewwel Insara, li kienu jirċievu l-Ewkaristija f’idejhom, kellhom qima kbira lejn l-Ewkaristija u għaddewha lilna tul is-snin. Nixtieq infakkar, fil-fatt, x’jgħid San Ċirillu ta’ Ġerusalemm, qed ngħidu fis-sena 348. Jgħid hekk: “Meta tersaq titqarben, tersaqx b’idejk miftuħa jew bis-swaba’ ta’ jdejk mhux ma’ xulxin, imma idek ix-xellugija għandha tistrieħ qisha fuq tron fuq idek il-leminija, li se tilqa’ fiha s-Sultan. Fil-ħofra ta’ idek ilqa’ l-Ġisem ta’ Kristu u wieġeb ‘Ammen’.” Araw b’liema qima jilqgħu l-Ewkaristija l-Insara dak iż-żmien – u f’idejhom. Kellhom xi diffikultà li f’idejhom? Ma kellhomx. Kellhom qima? Kellhom qima kbira.

Għalhekk aħna rrridu niftakru li hu b’dal-mod li aħna nersqu lejn l-Ewkaristija biex nirċievu lil Ġesù fina. Meta l-Mulej ħalaqna, ħalaqna xbieha tiegħu. Ma ħalaqx l-ilsien aqwa mill-id. Ħalaqna lkoll xbieha tiegħu, ikoll kemm aħna, dak kollu li aħna. Għalhekk ifakkarna li aħna nitqaddsu mhux bil-qawwa tagħna, imma huwa hu li jqaddisna. Nersqu lejn l-Ewkaristija u ngħidu qabel nirċevuha: “Mulej ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi – imma għid kelma waħda u ruħi tkun imfejqa”. Ma jistħoqqilniex, imma huwa hu li jqaddisna. Jekk naħsbu ftit, nindunaw li kultant bi lsienna nagħmlu ħafna żbalji u dnubiet – jew inweġġgħu lill-oħrajn, jew ninsultawhom, jew ngħidu kliem li ma jagħmilx ġid lill-oħrajn. Fil-fatt, kultant issir iktar ħsara bi lsienna milli b’idejna. Imma huwa l-Mulej li jaħfrilna, il-Mulej li jġeddidna, u li jgħinna biex nersqu nirċievu l-Ewkaristija b’qima kbira. 

Nitolbu lill-Mulej illum: Mulej, għinna biex aħna dejjem nersqu lejn l-Ewkaristija ppreparati, biex nilqgħuk fina. Tħallix li aħna nitħawdu, f’moħħna jew f’qalbna, b’ħafna diskors li jiżvijana mill-qima lejk, imma għinna biex nirċevuk bi mħabba kbira għax nirċievu fina s-Salvatur tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Isqof Awżiljarju