Il-Papa Franġisku fil-15 ta’ Mejju 2022, iċċelebra quddiesa fejn ikkanonizza 10 beati: Titus Brandsma, Lazzru msejjaħ Devasahayam, César de Bus, Luigi Maria Palazzolo, Giustino Maria Russolillo, Charles de Foucauld, Maria Rivier, Maria Francesca di Gesù Rubatto, Maria di Gesù Santocanale u Maria Domenica Mantovani.
L-omelija tal-Papa Franġisku
Smajna xi kelmiet li Ġesù jlissen lil dawk li huma tiegħu qabel ma jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, kliem li jurina xi jfisser inkunu tassew Insara: “Kif ħabbejtkom jien, hekk ħobbu intom lil xulxin” (Ġw 13:34). Dan hu t-testment li Kristu ħallielna, il-kriterju fundamentali biex niżnu jekk aħniex tassew dixxipli tiegħu jew le: il-kmandament tal-imħabba. Ejjew nieqfu fuq żewġ elementi essenzjali ta’ dan il-kmandament: l-imħabba ta’ Ġesù għalina – kif ħabbejtkom jien – u l-imħabba li hu jitlobna ngħixu – hekk ħobbu intom lil xulxin.
Qabelxejn kif ħabbejtkom jien. Kif ħabbna Ġesù? Sal-aħħar, sal-għotja totali tiegħu nnifsu. Jolqotna l-fatt li dawn il-kelmiet hu jlissinhom f’lejla mudlama, waqt li l-klima fiċ-ċenaklu kienet mimlija b’emozzjoni u tħassib: emozzjoni għaliex l-Imgħallem kien se jagħti l-aħħar tislima tiegħu lid-dixxipli, tħassib għax hu jħabbar li proprju wieħed minnhom kien se jittradih. Nistgħu nistħajlu x’uġigħ kien qed iġorr Ġesù fil-qalb tiegħu, liema dalma kienet miġmugħa fuq qalb l-Appostli tiegħu, u liema mrar huma u jaraw lil Ġuda li, wara li rċieva l-loqma ħobż li jgħaddilu l-Imgħallem, joħroġ mill-kamra biex jidħol fil-lejl tat-tradiment. U, proprju fis-siegħa tat-tradiment, Ġesù jikkonferma mħabbtu għal dawk li huma tiegħu. Għax fid-dlamijiet u fit-tempesti tal-ħajja dan huwa l-essenzjal: Alla jħobbna.
Ħuti, ħa tkun din il-bxara ċentrali fl-istqarrija u fl-espressjonijiet tal-fidi tagħna: “mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu” (1 Ġw 4:10). Ejjew ma ninsewh qatt dan. Fiċ-ċentru ma hemmx il-bravura tagħna, il-merti tagħna, imma l-imħabba bla kundizzjonijiet u b’xejn ta’ Alla, li lilna ma tistħoqqilniex. Fil-bidu tal-ħajja Nisranija tagħna ma hemmx id-duttrini u l-opri, imma l-istagħġib li niskopru li aħna maħbuba, qabel kull tweġiba tagħna. Waqt li d-dinja spiss trid tikkonvinċina li għandna valur biss jekk nipproduċu r-riżultati, il-Vanġelu jfakkarna l-verità tal-ħajja: aħna maħbuba. U dan huwa l-valur tagħna: aħna maħbuba. Hekk kiteb mgħallem spiritwali ta’ żmienna: “Qabel biss xi bniedem ieħor ħares lejna, diġà lemħuna l-għajnejn kollha mħabba ta’ Alla. Qabel xi ħadd semagħna nibku jew nidħku, semagħna Alla tagħna, li widnejh miftuħa beraħ għalina. Qabel xi ħadd f’din id-dinja kellimna, il-leħen tal-imħabba eterna diġà kien kellimna” (H. Nouwen, Sentirsi amati, Brescia 1997, 50). Hu ħabbna l-ewwel, hu stenniena. Hu jħobbna, hu jibqa’ jħobbna. U din hija l-identità tagħna: aħna maħbubin minn Alla. Din hi l-qawwa tagħna: aħna maħbubin minn Alla.
Hekk kif jien maħbub, nista’ nħobb. Dejjem, l-imħabba li jiena nagħti hi magħquda ma’ dik ta’ Ġesù
Din il-verità titlob minna konverżjoni fuq l-idea li spiss għandna tal-qdusija. Xi drabi, meta insistejna żżejjed fuq l-isforz tagħna biex nagħmlu opri tajba, ħloqna ideal ta’ qdusija mibni wisq fuqna nfusna, fuq l-eroiżmu personali, fuq il-ħila taċ-ċaħda tagħna, fuq kemm issagrifikajna ruħna biex niksbu premju. Hija viżjoni xi drabi wisq Pelaġjana tal-ħajja, tal-qdusija. U hekk għamilna mill-qdusija destinazzjoni impossibbli, fridnieha mill-ħajja ta’ kuljum flok ma fittixnieha u ħaddannieha fiha, jiġifieri fit-trab tat-triq, fit-taħbit tal-ħajja konkreta u, kif kienet tgħid Tereża ta’ Avila lil ħutha s-sorijiet, “qalb it-twaġen tal-kċina”. Li nkunu dixxipli ta’ Ġesù u nimxu fit-triq tal-qdusija jfisser qabelxejn inħallu tibdilna l-qawwa tal-imħabba ta’ Alla. Ma ninsewx il-primat ta’ Alla fuq il-jien, tal-Ispirtu fuq il-ġisem, tal-grazzja fuq l-opri. Xi drabi aħna nagħtu wisq piż, wisq importanza lill-jien, lill-ġisem u lill-opri. Le: il-primat ta’ Alla fuq il-jien, il-primat tal-Ispirtu fuq il-ġisem, il-primat tal-grazzja fuq l-opri.
L-imħabba li nirċievu mill-Mulej hija l-qawwa li tibdlilna ħajjitna: twessgħalna qalbna u tagħmilna kapaċi nħobbu. Għalhekk Ġesù jgħid – u dan hu t-tieni aspett – “kif ħabbejtkom jien, hekk ħobbu intom lil xulxin”. Din l-hekk mhijiex biss stedina biex nixbhu l-imħabba ta’ Ġesù; tfisser li nistgħu nħobbu biss għax hu ħabbna, għax hu jagħti lil qlubna l-istess Spirtu tiegħu, l-Ispirtu tal-qdusija, imħabba li tfejjaqna u tibdilna. Għalhekk nistgħu nagħmlu għażliet u nwettqu ġesti ta’ mħabba f’kull sitwazzjoni u ma’ kull wieħed u waħda minn ħutna li niltaqgħu magħhom, għax ġejna maħbuba u għandna l-qawwa li nħobbu. Hekk kif jien maħbub, nista’ nħobb. Dejjem, l-imħabba li jiena nagħti hi magħquda ma’ dik ta’ Ġesù għalija: “hekk”. Hekk kif hu ħabbni, hekk jiena nista’ nħobb. Hija hekk sempliċi l-ħajja Nisranija, hija hekk sempliċi! Ejjew ma nikkumplikawhiex aħna, b’ħafna affarijiet, meta hi daqshekk sempliċi.
Kif qal il-Beatu Carlo Acutis: m’hemmx qdusija tal-fotokopja, il-qdusija hi oriġinali, hija tiegħi, tiegħek, ta’ kull wieħed u waħda minna. Hija unika u irrepetibbli
U fil-konkret, xi jfisser tgħix din l-imħabba? Qabel ma ħallielna dan il-kmandament, Ġesù ħasel riġlejn id-dixxipli; wara li lissnu, ingħata fuq l-għuda tas-salib. Tħobb hekk ifisser: taqdi biex tagħti ħajtek. Taqdi, jiġifieri ma tpoġġix l-interessi tiegħek l-ewwel; teħles mill-veleni tar-regħba u tal-kompetizzjoni; tiġġieled lill-kankru tal-indifferenza u s-susa tal-awtoreferenzjalità, taqsam mal-oħrajn il-kariżmi u d-doni li Alla tak. Fil-konkret, tistaqsi lilek innifsek: “X’qed nagħmel għall-oħrajn?”. Dan hu li jfisser tħobb, tgħix l-affarijiet ta’ kuljum fi spirtu ta’ qadi, bi mħabba u mingħajr storbju, mingħajr ma tistenna xejn lura.
U mbagħad tagħti ħajtek, li ma jfissirx biss toffri xi ħaġa, bħal ngħidu aħna xi ġid tiegħek lill-oħrajn, imma tagħti lilek innifsek. Lil dawk li jitolbuni parir nieħu gost nistaqsihom: “Għidli ftit, int tagħti karità?” – “Iva, Dun, nagħti karità lill-foqra” – “U meta tagħti karità, int tmiss l-idejn tal-persuna, jew tixħet il-karità u tagħmel hekk biex tfarfar idejk?”. U wiċċhom jiħmar: “Le, jiena ma mmissux”. “Meta int tagħti l-karità, tħares f’għajnejn il-persuna li tgħin, jew tħares in-naħa l-oħra?” – “Ma nħarisx”. Tmiss u tħares, immissu u nħarsu lejn il-ġisem ta’ Kristu li qed ibati f’ħutna. Importanti ħafna dan. Dan ifisser nagħtu ħajjitna. Il-qdusija mhijiex magħmula minn ftit ġesti erojċi, imma minn tant imħabba ta’ kuljum. Int ikkonsagrat jew ikkonsagrata? – hawn ħafna llum hawn – Kun qaddis billi tgħix bil-ferħ l-għotja tiegħek. Int miżżewwġ jew miżżewġa? Kun qaddis u qaddisa billi tħobb u tieħu ħsieb ta’ żewġek jew ta’ martek, kif Kristu għamel mal-Knisja. Int ħaddiem, mara taħdem? Kun qaddis billi twettaq b’onestà u kompetenza x-xogħol tiegħek għall-qadi tal-aħwa, u titqabad għall-ġustizzja ta’ sħabek, biex ma jibqgħux bla xogħol, biex ikollhom dejjem il-paga ġusta. Int ġenitur jew nanna jew nannu? Kun qaddis billi tgħallem bis-sabar lit-tfal kif jimxu wara Ġesù. Għidli, għandek l-awtorità? – u hawn ħafna nies hawn li għandhom xi awtorità – Qed nistaqsik: għandek l-awtorità? Kun qaddis billi tissielet b’risq il-ġid komuni u tiċħad l-interessi personali tiegħek (ara Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 14). Din hija t-triq tal-qdusija, hekk sempliċi! Dejjem naraw lil Ġesù fl-oħrajn.
Naqdu l-Vanġelu u lil ħutna, noffru ħajjitna mingħajr ma nistennew xejn għalina – dan hu s-sigriet: noffru bla ma nistennew xejn lura –, mingħajr ma nfittxu ebda glorja ta’ din id-dinja: għal dan imsejħin aħna wkoll. Sħabna fil-vjaġġ, illum ikkanonizzati, hekk għexuha l-qdusija: billi ħaddnu bil-ħeġġa l-vokazzjoni tagħhom – xi wħud ta’ saċerdot, oħrajn ta’ kkonsagrata, ta’ lajk – taw ħajjithom għall-Vanġelu, skoprew ferħ li ma għandux paraguni u saru mirja mdawla tal-Mulej fl-istorja. Dan hu l-qaddis jew qaddisa: mera mdawla tal-Mulej fl-istorja. Ejjew nippruvaw aħna wkoll: mhijiex magħluqa t-triq tal-qdusija, hi universali, hija sejħa għalina lkoll, tibda bil-Magħmudija, mhijiex magħluqa. Ejjew nippruvaw aħna wkoll, għax kull wieħed u waħda minna hu msejjaħ għall-qdusija, għal qdusija unika u irrepetibbli. Il-qdusija hi dejjem oriġinali, kif qal il-Beatu Carlo Acutis: m’hemmx qdusija tal-fotokopja, il-qdusija hi oriġinali, hija tiegħi, tiegħek, ta’ kull wieħed u waħda minna. Hija unika u irrepetibbli. Iva, il-Mulej għandu pjan ta’ mħabba għal kulħadd, għandu ħolma għal ħajtek, għal ħajti, għall-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. X’nista’ ngħidilkom? Wettquh bil-ferħ. Grazzi.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard
Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Qabel tintemm din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika nixtieq irrodd ħajr lilkom ilkoll: ħuti kardinali, isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi nisa u rġiel, speċjalment dawk li jiffurmaw parti mill-familji spiritwali tal-qaddisin il-ġodda, li nġabru hawn minn bosta nħawi tad-dinja.
Insellem lid-delegazzjonijiet uffiċjali mid-diversi pajjiżi, partikolarment lis-Sur President tar-Repubblika tal-Italja. Sabiħ naraw kif, bix-xhieda evanġelika tagħhom, dawn il-qaddisin kienu ta’ fejda għat-tkabbir spiritwali u soċjali tan-nazzjonijiet rispettivi tagħhom kif ukoll tal-familja umana kollha kemm hi. Filwaqt li b’niket, fid-dinja qed jikbru d-distanzi u jiżdiedu t-tensjonijiet u l-gwerer, il-qaddisin il-ġodda jispiraw soluzzjonijiet ta’ ħbiberija, toroq ta’ djalogu, speċjalment fil-qlub u fl-imħuħ ta’ dawk li għandhom karigi ta’ responsabbiltà kbira u għandhom is-sejħa li jkunu protagonisti tal-paċi u mhux tal-gwerra.
Insellem lilkom ilkoll, għeżież pellegrini, kif ukoll lil kull min assista għal dil-quddiesa permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni.
U issa nduru lejn il-Verġni Marija biex tgħinna nimitaw l-eżempju ta’ dawn il-qaddisin ġodda, bil-ferħ.
Sors: laikos.org