Ħarġet illum ir-raba’ enċiklika tal-Papa Franġisku, Dilexit nos (“Huwa ħabbna”, Rum 8:37), b’sejħa għal għarfien imġedded tad-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù fl-era moderna u l-ħafna sfidi tagħha.
F’dan id-dokumet, il-Papa jargumenta li l-ispiritwalità tal-Qalb ta’ Ġesù toffri tweġiba vitali għal dik li hu jsejħilha “soċjetà likwida” ddominata mit-teknoloġija u l-konsumeriżmu.
Il-Papa jikteb: “Hekk kif qed ngħixu f’epoka ta’ superfiċjalità, ngħaġġlu mferfxin minn ħaġa għall-oħra mingħajr ma nafu eżattament għaliex, u nispiċċaw konsumaturi li ma jxebbagħna xejn u lsiera tal-mekkaniżmi ta’ suq li ma jimpurtahx mit-tifsira iktar profonda tal-ħajja tagħna, ilkoll għandna bżonn niskopru mill-ġdid l-importanza tal-qalb”.
Bis-sottotitlu “Ittra Enċiklika dwar l-Imħabba Umana u Divina tal-Qalb ta’ Ġesù Kristu”, id-dokument hu l-ewwel enċiklika papali ddedikata kollha lill-Qalb ta’ Ġesù sa mill-Haurietis Aquas tal-Papa Piju XII fl-1956.
Matul id-dokument, Franġisku jinseġ flimkien l-element tradizzjonali tad-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù u t-tħassib kontemporanju, u jippreżenta l-qalb ta’ Kristu bħala l-prinċipju li jgħaqqad ir-realtà f’dinja frammentata.
Fil-konferenza stampa f’nofsinhar li fiha ppreżenta d-dokument, l-Arċisqof Bruno Forte qal li l-enċiklika tesprimi “b’mod profond il-qalb u r-raġuni li tnebbaħ il-ministeru u l-maġisteru kollu tal-Papa Franġisku”.
It-teologu magħruf Taljan, membru tad-Dikasteru għad-Duttrina tal-Fidi, żied ukoll li fil-fehma tiegħu t-test hu “ċ-ċavetta biex nifhmu l-maġisteru ta’ dan il-Papa”. Huwa ppreżenta din l-enċiklika flimkien ma’ Swor Antonella Fraccaro, Superjura ġenerali tad-Dixxipli tal-Vanġelu.
Mill-Iskrittura għall-AI: Fil-viżjoni tal-Papa
It-test, twil bejn wieħed u ieħor 30,000 kelma, jissellef ħafna mill-Iskrittura u t-tradizzjoni, bi kwotazzjonijiet sbieħ minn Santa Tereża ta’ Lisieux, San Franġisk de Sales, u San Charles de Foucauld.
Maħruġ hekk kif is-Sinodu dwar is-Sinodalità qorob lejn tmiemu, id-dokument jenfasizza kemm l-ispiritwalità personali u kemm l-impenn missjunarju tal-komunità.
Franġisku jiżviluppa l-viżjoni tiegħu f’ħames kapitli: jiftaħ bi vjaġġ filosofiku u teoloġiku tal-“importanza tal-qalb” qabel ma jgħaddi għal riflessjonijiet dwar l-azzjonijiet ta’ Kristu u l-kliem tiegħu ta’ mħabba, it-tifsira teoloġika tad-devozzjoni tal-Qalb Imqaddsa, id-dinamika spiritwali tagħha u l-implikazzjonijiet soċjali.
Algoritmi f’dinja diġitali
“L-algoritmi tad-dinja diġitali juru li l-ħsibijiet u r-rieda tagħna huma ħafna iktar ‘uniformi’ minn kemm konna naħsbu”, jikteb il-Papa, waqt li jargumenta li s-soluzzjonijiet teknoloġiċi waħidhom ma jistgħux jindirizzaw il-ħtiġijiet iktar profondi tal-qalb umana.
Jenfasizza li t-tifsira tal-kelma “qalb” ma tistax tiġi spjegata biss mill-bijoloġija, il-psikoloġija, l-antropoloġija jew xi xjenza oħra.
“F’dan iż-żmien ta’ intelliġenza artifiċjali, ma nistgħux ninsew li l-poeżija u l-imħabba huma meħtieġa biex isalvaw l-umanità. L-ebda algoritma qatt mhi ħa tkun kapaċi tiġbor fiha, ngħidu aħna, in-nostalġija li kollha nħossu, hi x’inhi l-età, u ngħixu fejn ngħixu”, jikteb Franġisku.
Il-Papa jenfasizza li d-devozzjoni tal-Qalb ta’ Ġesù mhix sempliċiment prattika privata, imma għandha implikazzjonijiet qawwija fuq il-ħajja soċjali u r-relazzjonijiet umani.
“Id-dinja tista’ tinbidel, jekk nibdew mill-qalb”, jikteb, waqt li jorbot il-bidla tal-persuni mat-tiġdid usa’ tas-soċjetà.
It-tagħlim fuq il-Qalb ta’ Ġesù minn Piju XII sa Franġisku
L-enċiklika tibni fuq sekli ta’ devozzjoni Kattolika lejn il-Qalb ta’ Ġesù, waqt li toffri spunti ġodda għall-isfidi moderni. Franġisku jikkwota fit-tul minn tagħlim ta’ Papiet oħra qablu, partikularment San Ġwanni Pawlu II.
“Id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù, kif żviluppat fl-Ewropa żewġ sekli ilu, imħeġġa mill-esperjenzi ta’ Santa Margerita Marija Alacoque, kienet tweġiba għar-rigorożità Ġansenista, li spiċċat biex warrbet il-ħniena infinita ta’ Alla”, jikteb il-Papa.
“L-irġiel u n-nisa tat-tielet millennju jeħtieġu l-qalb ta’ Kristu biex jistgħu jsiru jafu lil Alla u lilhom infushom; għandhom bżonnha biex jibnu ċ-ċiviltà tal-imħabba”.
Heidegger, dehxa, u l-qalb
Fi żvilupp sinifikattiv teoloġiku u spiritwali, l-enċiklika tindirizza b’mod qawwi l-ħsieb modern, partikularment bid-diskussjoni tagħha ta’ kif il-filosfu Ġermaniż Martin Heidegger fehem l-emozzjoni u l-għarfien uman.
Il-Papa jikkwota dak li jgħid Heidegger li “l-filosofija ma tibdiex b’kunċett jew ċertezza pura, imma b’xokk”, għax “mingħajr emozzjoni qawwija, il-ħsieb ma jistax jitlaq. L-ewwel xbieha mentali allura tkun dik ta’ dehxa mal-ġisem kollu”.
Għal Franġisku, huwa hawn fejn tidħol il-qalb għax “tisma’ b’mod mhux metaforiku l-‘leħen ħiemed’ tal-essri, u tħallih jiddeterminaha”.
“Ċiviltà ġdida ta’ mħabba”: it-triq ’il quddiem
Kif il-qalb tista’ “tgħaqqad u tpoġġi f’armonija l-istorja personali tagħna, li tista’ tidher desperatament frammentata”, jikteb il-Papa, hija “l-post fejn kollox jagħmel sens”.
“Il-Vanġelu jgħidilna dan meta jitkellem dwar il-Verġni Mbierka, li kienet tara l-affarijiet bil-qalb tagħha”.
Id-dokument isejjaħ għal tiġdid tad-devozzjoni tradizzjonali tal-Qalb ta’ Ġesù waqt li jenfasizza r-relevanza kontemporanja tagħha.
“Il-komunitajiet tagħna jistgħu jgħaqqdu u jirrikonċiljaw flimkien ħsibijiet u ridiet differenti, biex l-Ispirtu jista’ jmexxina fl-għaqda bħala aħwa. Ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi jitwieldu wkoll mill-qalb. Il-qalb ta’ Kristu hi ‘estasi’, ftuħ, don u laqgħa”.
Il-Papa jagħlaq billi jorbot din il-viżjoni spiritwali mal-missjoni usa’ tal-Knisja fid-dinja moderna, u jsejjaħ għal dik li – bħal Ġwanni Pawu II – hu jsejħulha “ċiviltà ta’ mħabba” mibnija fuq il-fundament tal-imħabba ta’ Kristu.
Din il-viżjoni torbot ukoll direttament mal-enċikliċi soċjali preċedenti tal-Papa Franġisku, Laudato si’ u Fratelli tutti, u tippreżenta l-imħabba ta’ Kristu bħala l-bażi biex jiġu indirizzati u solvuti l-isfidi kontemporanji.
Sors: Newsbook Malta