• Solennita’ tat-twelid tal-Mulej (Il-Milied), Quddiesa ta’ Binhar

    I Qari
    Mill-ktieb ta’ Iżaija 52:7-10

    Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn ta’ min iħabbar il-bxara, ta’ min ixandar is-sliem, ta’ min iħabbar ir-riżq, ta’ min ixandar is-salvazzjoni, u jgħid lil Sijon: “Alla tiegħek isaltan!” Ismagħha l-għajta!
    L-għassiesa tiegħek għollew leħenhom, lkoll flimkien jgħajjtu bil-ferħ, għax raw b’għajnejhom lill-Mulej
    rieġa’ lura f’Sijon. Intom, ħerbiet ta’ Ġerusalemm, għajjtu lkoll bil-ferħ, għax farraġ il-Mulej il-poplu tiegħu, feda lil Ġerusalemm. Kixef il-Mulej id-driegħ tiegħu qaddis, quddiem il-ġnus kollha, u raw it-truf kollha ta’ l-art is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

    Salm Responsorjali
    Salm 98:1.2-3ab.3cd-4.5-6

    Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
    għax għamel ħwejjeġ ta’ l-għaġeb.
    Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
    u d-driegħ imqaddes tiegħu.

    Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
    f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
    Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu
    mal-poplu ta’ Iżrael.

    L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
    rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
    Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
    infexxu fil-hena, ifirħu u għannu!

    Għannu lill-Mulej biċ-ċetra,
    biċ-ċetra u bil-ħlewwa ta’ l-għana,
    bit-trombi u bid-daqq tat-trumbetti;
    għajjtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan!

    II Qari
    Mill-Ittra lill-Lhud 1:1-6

    Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti. Issa f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta’ Ibnu, li hu għamlu werriet ta’ kollox, u li bih ukoll għamel il-ħolqien. Hu, l-Iben, li hu d-dija tal-glorja ta’ Alla u x-xbieha ta’ l-essenza tiegħu, u li jżomm id-dinja kollha bil-kelma setgħana tiegħu, wara li naddafna minn dnubietna, qagħad fuq il-lemin tal-kobor ta’ Alla fl-għoli tas-smewwiet, u b’hekk sar daqshekk aqwa mill-anġli daqs kemm ogħla minn tagħhom hu l-isem li kiseb. L-Iben hu akbar mill-anġli. Għax lil min mill-anġli qatt qal Alla:“Int ibni: jien illum nissiltek”? Jew: “Jien inkun missieru, u hu jkun ibni”? Mbagħad, hu u jdaħħal ‘l Ibnu l-Kbir fid-dinja, jgħid ukoll:“Ħa jqimuh l-anġli kollha ta’ Alla.”

    L-Evanġelju
    San Ġwann 1:1-18

    Fil-bidu kien il-Verb,
    u l-Verb kien ma’ Alla,
    u l-Verb kien Alla.
    Hu kien fil-bidu ma’ Alla.
    Kollox bih sar,
    u xejn ma sar mingħajru; 
    kull ma sar kellu l-ħajja fih,
    u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.
    Id-dawl jiddi fid-dlam,
    imma d-dlam ma għelbux.
     
    Kien hemm raġel mibgħut minn Alla,
    jismu Ġwanni.
    Dan ġie bħala xhud,
    biex jixhed għad-dawl,
    biex bih kulħadd jemmen.
    Ġwanni ma kienx id-dawl,
    imma ġie biex jixhed għad-dawl,
    dak id-dawl veru,
    li jdawwal kull bniedem, 
    huwa u ġej fid-dinja.
    Kien fid-dinja,
    u d-dinja saret bih, 
    imma d-dinja ma għarfitux.
    Ġie f’daru,
    u niesu ma laqgħuhx.
    Imma lil dawk li laqgħuh
    tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, 
    dawk li jemmnu f’ismu,
    li twieldu mhux bid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem,
    u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.
     
    U l-Verb sar bniedem u għammar fostna,
    u aħna rajna l-glorja tiegħu, 
    il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni,
    mimli bil-grazzja u l-verità.
    Ġwanni ta xhieda fuqu
    meta għajjat u qal:
    “Dan hu li għalih għedtilkom, 
    ‘Jiġi warajja, imma hu aqwa minni, 
    għax kien minn qabli.’ “
    Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna,
    grazzja fuq grazzja.
    Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè
    imma l-grazzja u l-verità 
    seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu.
    Lil Alla għadu ħadd ma rah;
    imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla,
    li hu fi ħdan il-Missier.