L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Jiena d-dielja, intom il-friegħi” (Ġw 15:5). Dan hu l-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju llum, li qalu tant snin ilu imma jerġa’ jgħidu lilna llum bl-istess qawwa. Ma tridx tkun tifhem bilfors fid-dwieli biex taqbad dak li qed jgħid. Ġesù qed jitkellem ma’ nies li forsi kienu midħla aktar minna llum tad-dwieli, imma qed jagħti messaġġ sabiħ lid-dixxipli tiegħu li fehmuh tajjeb, u lilna li żgur nistgħu nifhmuh tajjeb ukoll u napprezzaw dak li jrid iwasslilna llum u kemm jiswa għall-ħajja tagħna. 

Nixtieq insemmi tliet punti prinċipali li hemm f’din is-silta u li jgħoddu ħafna għall-ħajja tagħna.

Il-ħajja ġejja minnu

L-ewwel nett, Ġesù qed jgħid li hu d-dielja u aħna l-friegħi. Ġesù qed jgħid li hu z-zokk prinċipali, li minnu toħroġ il-ħajja għall-friegħi. Qed jgħid li l-ħajja tal-fergħa ma tiġix waħedha, ma toħloqhiex il-fergħa stess, imma tiġi miz-zokk u mill-għeruq. B’dan irid ifisser li aħna minnu nirċievu l-ħajja, u minnu nirċievu l-qawwa biex nistgħu ngħixu. Maqtugħin miegħu, ma nistgħux ngħixu tassew.

L-ewwel messaġġ importanti hu li aħna għandna nfittxu li ngħixu magħqudin miegħu, għax nafu li huwa hu li jagħtina l-ħajja, bħalma qal lid-dixxipli tiegħu: “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra” (Ġw 10:10).

Il-frott bis-saħħa tiegħu

Ġesù jgħid xi ħaġa oħra li tolqotna tassew f’ħajjitna. Hu jgħid li meta hemm din l-għaqda miegħu, bis-saħħa tiegħu nistgħu nagħmlu l-frott. Il-friegħi jistgħu jagħmlu l-frott biss jekk magħqudin mad-dielja. Jekk ma jkunux magħqudin mad-dielja, ma tistax issib frott fuq il-friegħi.

Fil-fatt, ta’ min wieħed jiftakar li l-frott issibu fuq il-friegħi mhux maz-zokk prinċipali, imma l-frott jiġi permezz tal-ħajja li tiġi mid-dielja. Il-frott fuq il-friegħi jfisser li aħna nsibu l-milja tal-ħajja tagħna – dak li aħna ngħidulu fulfilment – meta magħqudin ma’ Ġesù. Bis-saħħa tiegħu li ħajjitna tista’ tkun ħajja li tagħmel il-frott. Mifrudin minnu, ma tagħmilx frott, għax ma nirċevux il-qawwa neċessarja.

Ġesù qed jgħid li fl-għaqda miegħu nirċievu l-qawwa biex ħajjitna tista’ tkun ħajja bis-sens, ħajja li tagħmel il-frott. Fil-fatt kultant issib min jistaqsi: fejn hu preżenti l-frott ta’ Ġesù fil-ħajja li qed ngħixu llum? Fejn issibu? Ir-risposta hi din: hu preżenti proprju fuq il-friegħi, jiġifieri preżenti f’dawk li magħqudin miegħu. Għax jgħixu l-ħajja tiegħu, il-frott jidher fil-ħajja tagħhom. Din hi esperjenza li nistgħu narawha fil-ħajja ta’ tant nies. Il-frott f’ħajjithom mhux bil-qawwa tagħhom personali imma bil-qawwa tal-ħajja ta’ Ġesù li taħdem fihom.

Jiżbor biex nagħmlu aktar frott

F’din is-silta Ġesù jitkellem fuq il-Missier li jiżbor il-fergħa li tagħmel il-frott u “jnaddafa biex tagħmel frott aktar” (Ġw 15:2). Kemm hu importanti li tiżbor u li tiżbor tajjeb! Dan narawh ukoll fil-ħajja tagħna: meta aħna naċċettaw li Alla jaqta’ minna dak li qed itellef. 

Mhux faċli li ngħaddu minn dan il-proċess fil-ħajja tagħna. Mhux faċli li jinqata’ ’l barra dak li jtellifna, imma huwa hemm li nindunaw kemm nistgħu nagħmlu l-frott jekk jinqata’ barra dak li hu ta’ tfixkil.

Nafu li billi hu l-Mulej li jiżbor, jekk aħna nħalluh, hu jaf kif jagħmel dan. Mhux se jieħu żball u jqaċċat dak li hu tajjeb, imma jiżbor billi jneħħi dak li hu ħażin u dak li jkun qed itellef l-iżvilupp tal-persuna.

Kif nibqgħu magħqudin miegħu

Nindunaw kemm hi sabiħa din it-tixbiha li juża Ġesù biex ifisser l-għaqda tagħna miegħu fil-ħajja tagħna. Qed jgħid essenzjalment: kemm hu importanti li nkunu magħqudin miegħu biex nirċievu l-ħajja mingħandu, biex nagħmlu l-frott u biex nistgħu niżviluppaw b’mod tajjeb il-ħajja tagħna!

Kif nibqgħu magħqudin miegħu? L-ewwel nett permezz tat-talb li jgħaqqadna ħaġa waħda miegħu, jgħinna nkunu f’relazzjoni u rabta sħiħa ta’ mħabba miegħu. Meta nsemmu t-talb, irridu niftakru speċjalment fl-Ewkaristija. Kull darba li nieħdu sehem fil-quddiesa, inkunu qed nieħdu sehem fl-istess ħajja tiegħu, u meta nirċievu lilu, ngħixu tassew dil-kelma li smajna fl-Evanġelju llum: “ibqgħu fija u jiena nibqa’ fikom” (Ġw 15:4). L-Ewkaristija hija l-isbaħ esperjenza ta’ dan il-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju llum.

Nibqgħu magħqudin miegħu wkoll meta jkollna widnejna u qalbna miftuħa għall-kelma tiegħu, u nfittxu li ngħixuha fil-ħajja tagħna. Hi din il-kelma li għandha l-qawwa biex lilna tibdilna u tagħmilna dejjem aktar nixbhuh u nfittxu li nagħmlu r-rieda tiegħu f’ħajjitna.

Nitolbu lill-Mulej jagħtina l-grazzja li nkunu miegħu bħall-friegħi marbutin mad-dielja. B’hekk il-ħajja tagħna tkun sabiħa, tagħmel il-frott, u tkun tista’ tiżviluppa bl-aħjar mod. Importanti li nagħrfu dan, għax kultant ikun hemm min iwassal messaġġ fis-soċjetà li hu ta’ tfixkil f’ħajjitna: iħares lejn il-preżenza ta’ Alla bħala ostaklu, ingombru fil-ħajja tagħna. Imma li qed jgħid Ġesù hu l-kontra: hi sewwasew din l-għaqda miegħu, din ir-rabta sħiħa, li tassigura li aħna jkollna ħajja sabiħa, ħajja li tagħmel il-frott, u ħajja li tista’ tiżviluppa tajjeb kif ilkoll nixtiquha.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju