L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fit-tieni Ittra ta’ San Pietru, mis-silta li tinqara llum f’din is-solennità, l-Appostlu jitkellem dwar l-esperjenza ta’ Tabor, l-esperjenza li qed infakkru llum, is-solennità tat-Trasfigurazzjoni tas-Salvatur, ta’ Sidna Ġesù Kristu. U juża dawn il-kelmiet: ‘il-qawwa’, ‘il-miġja’, ‘il-kobor’, ‘il-ġieħ’, u ‘s-sebħ’.
“Aħna ma konniex qegħdin nibnu fuq ħrejjef maħluqa minn moħħna meta għarrafnielkom dwar il-qawwa ta’ Sidna Ġesù Kristu u dwar il-miġja tiegħu. Rajna b’għajnejna aħna stess il-kobor tiegħu meta hu ħa mingħand Alla l-Missier ġieħ u sebħ” (2 Piet 1:16-17). B’dawn il-kelmiet, l-appostlu San Pietru, wieħed mix-xhieda tat-Trasfigurazzjoni, jipprova jesprimi l-esperjenza tagħhom fuq it-Tabor, u jinsisti li mis-sħaba nstema’ leħen li jgħid: “Dan hu Ibni, l-għażiż tiegħi, li bih jiena nitgħaxxaq” (2 Piet 1:17).
Uża wkoll tliet kelmiet marbuta mad-dawl. Din l-esperjenza, jgħid, “hi bħal fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titla’ l-kewkba ta’ filgħodu” (2 Piet 1:19). ‘Fanal li jagħti dawl’, ‘tbexbix il-jum’ meta titla’ x-xemx, ‘kewkba ta’ filgħodu’. U din hi l-esperjenza tas-solennità tal-lum, magħrufa ħafna bħala festa tad-dawl. Il-festa li fiha l-wiċċ ta’ Ġesù jimtela bid-dija. Fil-kelma tal-Evanġelju li għadna kemm smajna: “ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk” (Mk 9:3). Din id-dija tal-għaġeb.
Ħuti, din is-sena xtaqt nislet riflessjoni marbuta ma’ dan il-kliem tal-appostlu San Pietru, aħna u nippreparaw għall-Ġublew 2025; bħal-lum sena jekk Alla jrid, u nkunu għadna ħajjin, inkunu diġà qegħdin f’nofs il-Ġublew, li l-Papa Franġisku qed isejjaħlu l-Ġublew tat-Tama.
Illum xtaqt naqsam magħkom ftit ħsibijiet qosra dwar kif din il-festa li qed niċċelebraw illum tagħtina t-tama. L-ewwel nett tlaqqagħna mal-Mulej Ġesù li hu t-tama li ma tqarraqx bina. Aħna ma nistgħux ngħixu mingħajr tama, imma tama waħda biss, li ma tqarraqx bina: hi t-tama fil-Mulej Ġesù u fil-glorja tiegħu. Dan irid ikun d-dawl, “il-fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam” (2 Piet 1:19), fil-ħajja tagħna. Dan irid ikun, dak li jkun li jippreparana għall-jum sabiħ tal-ħajja eterna; dan hu li jiddi f’qalbna bħal kewkba ta’ filgħodu.
Il-qawmien mhux biss fl-aħħar jum imma kuljum permezz tal-maħfra, tas-sagrament tal-qrar, tal-paċi bejnietna, tal-paċenzja li lesti nieħdu b’xulxin.
Kif tafu, it-Trasfigurazzjoni hi rrakkuntata minn tliet Evanġelisti: Mattew, Mark u Luqa. Din is-sena, peress li fil-Ħdud qed naqraw mill-Evanġelju skont San Mark, fil-festa tal-lum naqraw ukoll ir-rakkont tat-Trasfigurazzjoni skont San Mark. It-tliet Evanġelisti jixxiebhu fid-dettalji essenzjali; imma ta’ min jinnota fihom ukoll xi laqtiet li jħobbu jenfasizzaw. Waħda mill-affarijiet li tolqtok meta tisma’ u taqra l-Evanġelju moqri din is-sena hi li Ġesù jimponi fuq ix-xhieda, li huma l-appostli: Pietru, Ġakbu, u Ġwanni, “li ma jitkellmux fuq dak li raw, qabel ma’ Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet” (Mk 9:10). Huma jobduh, “huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser ‘tqum mill-imwiet’” (Mk 9:10). Mela immaġinaw it-tliet xhieda, it-tliet appostli maġenb Ġesù, neżlin minn fuq il-muntanja; ċerti ikoni Griegi tat-Trasfigurazzjoni, għandhom l-avveniment ċentrali, imma mbagħad f’ġenb minnhom għandhom lil Ġesù tiela’ l-muntanja mat-tliet dixxipli, jistedinhom biex imorru miegħu weħidhom għat-talb; imbagħad fuq in-naħa l-oħra, hemm Ġesù, li jiggwidahom huma u neżlin minn fuq il-muntanja, marbutin b’sigriet kbir, bl-esperjenza li kienu xhieda tagħha.
U Ġesù jorbot l-esperjenza tat-Tabor, mal-qawmien tiegħu mill-imwiet. San Mark jgħidilna: “Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma’ Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet” (Mk 9:10). Id-dija sabiħa tiegħu hi togħma tal-qawmien mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, obdew; imma bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser tqum mill-imwiet?
U din id-domanda, nagħmilha jien, tagħmilha int, nagħmluha aħna. Xi tfisser tqum mill-imwiet? Aħna ngħiduha b’faċilità fil-Kredu: ‘Nemmen fil-qawma mill-imwiet, fil-ħajja ta’ dejjem.’ Imma xi tfisser? Ejjew nammettu l-ewwel nett, li ma għandniex ir-risposti kollha. Tajjeb li nkunu umli fin-nuqqas ta’ għarfien tagħna. Wara din il-kelma, hemm misteru kbir ta’ mħabba, li m’aħniex kapaċi nifilħu, sakemm ma ngħaddux minnu. Ejjew nammettu, li rridu jew ma rridux, mgħaġġlin jew m’aħniex, irridu ngħaddu minn dak il-bieb.
Jiena meta nżur iċ-ċimiterju tar-raħal tagħna, niltaqa’ ma’ ħafna ħbieb antiki; lil ommi, meta nżur il-qabar ta’ missieri, ngħidilha hawnhekk hawn ir-raħal li niftakar jien meta wasalna Ħal Lija fl-1976. Għax donnhom il-ħbieb issibhom hemm jistennew il-qawmien għall-ħajja. Aħna niżirgħu l-ġisem tagħna li jmut, niżirugħ fl-art; is-Salvatur bil-qawwa tiegħu jqajjem il-ġisem dgħajjef, imsejken tagħna, fil-jum magħżul mill-Missier u jsejħilna fil-ħajja ta’ dejjem.
Il-festa tal-lum hi attwali jekk nemmnu li l-Kelma ta’ Ġesù hi kelma li twassalna lil hinn minn din il-ħajja. F’din il-ħajja tgħinna ngħixu ta’ nies, imma hi l-passaport għall-ħajja ta’ dejjem. Imsieken aħna, jekk ngħixu l-ħajja tagħna mingħajr din it-tama: it-tama tal-ġenna. Biex nikkwota lill-maħbub Mons. Alfred Xuereb: ‘Salvatur, inti l-għaxqa tas-sema’. Ejjew nemmnuha din, meta nkantaw Viva s-Salvatur. L-ewwel nett insellmu lill-għaxqa tas-sema, lil dak li qed jistedinna, biex fuq l-eżistenza tagħna, l-aħħar kelma ma tkunx il-mewt jew it-telfien, imma tkun kelma ta’ ħajja u qawmien.
U forsi l-Appostli xhieda, meta bdew jistaqsu lilhom infushom, imma xi tfisser tqum mill-imwiet? Ma kinux għadhom semgħu l-Kelma li għandna fl-Evanġelju skont San Ġwann. Meta Ġesù stess jgħid: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja” (Ġw 11:25). Trid tkun taf xi tfisser tqum mill-imwiet? Tistaqsix kif, tistaqsix meta; staqsi biss fejn hu Ġesù, għaliex Hu stess qal: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix.” (Ġw 11:25). Allura, l-espressjoni ta’ San Pietru, hi l-espressjoni li nħobb nimmaġina lil ħutna midfunin fiċ-ċimiterju tar-raħal, f’postijiet oħrajn madwar il-gżejjer tagħna, jew barra minn Malta; inħosshom u nismagħhom fil-qalb tiegħi, jgħidulu lis-Salvatur Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn!” (Mk 9:5). Għax aħna u nrodduhom lejn l-art, il-qalb tagħna tinqasam bin-niket u bid-dulur; imma kieku jkollhom ikellmuna jirrepetu l-kelma ta’ San Pietru fuq it-Tabor: “kemm hu sew li aħna hawn!” Kemm għandna bżonnha din il-kelma! Għax meta nifhmu li din id-dinja tgħaddi…
M’ilux rajt meme tal-Mewt li qed tilqa’ raġel sinjurun; maġenbu kellu muntanja flus, u l-Mewt tgħidlu: ‘no luggage please!’ M’hawnx bagalji hawn! B’ta’ fuqek senduqek, u ġġorr miegħek biss l-imħabba li kien hemm f’qalbek, għax dik iva, tasal fl-eternità; moħħok u qalbek kif ittrattajt lilek innifsek, lil ħaddieħor, lill-maħbubin tiegħek, lill-avversarji tiegħek; dawk iva ġġorrhom miegħek. U fuqhom tiġi suġġett għall-miżien tal-ħniena u l-ġustizzja ta’ Alla li hi l-verità.
Għalhekk il-Missier fuq Ġesù jgħid: “Dan hu ibni l-għażiż, isimgħu lilu” (Mk 9:7). Intom tridu tfiqu minn dak kollu li jgħabbikom, mit-toqol kollu tagħkom? Isimgħu lil ibni l-għażiż. Dan hu l-qawmien u l-ħajja, dan se jagħtik futur ta’ glorja. Kemm nogħxew bil-glorja ta’ din id-dinja u kemm hu kollox frugħa! Riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa u kollox isir duħħan. Imma jekk inti tħares lejn Ġesù s-Salvatur, u tgħidlu: ‘Inti t-tama tagħna li ma tqarraqx bina’, allura qalbek, minn din il-ħajja stess tistrieħ fil-paċi; minn din il-ħajja stess, inti u titpaxxa bid-dehra ta’ Ġesù, li tammirah mhux biss fl-istatwa sabiħa ta’ Darmanin, jew fil-kapulavur ta’ Mattia Preti, imma wkoll f’ħuk, li kultant ikollok xi xrara miegħu, kultant ikollna xi ngħidu; imma nintrefgħu minn dak kollu li jgħabbina, inħarsu ’l quddiem, għax kif nittrattaw lil xulxin fit-tajjeb u l-ħażin, dak hu li jimmarkana, dak hu li jagħmilna, dak hu li jagħġen qalbna.
U allura, meta aħna wkoll mal-appostlu nistaqsu, imma xi tfisser tqum mill-imwiet, nifhmu li l-Mulej Ġesù qed jistedinna minn issa nqum mill-imwiet tal-vizzji, l-egoiżmu tiegħi, u l-arroganza tiegħi; mill-mewt tal-kattiverja li kultant taħkem il-qalb tiegħi. U jgħidli: ‘Qum u tibżax!’
Fl-antifona tas-Salvatur hemm dik l-eżortazzjoni ta’ Ġesù: Surgite. Nolite timere. “Qumu. La tibżgħux” (Mt 17:7). Il-qawmien mhux biss fl-aħħar jum imma kuljum permezz tal-maħfra, tas-sagrament tal-qrar, tal-paċi bejnietna, tal-paċenzja li lesti nieħdu b’xulxin.
Ejjew illum, u f’din is-sena li fiha qed nippreparaw għall-Ġublew tat-Tama li ma tqarraqx bina, niċċelebrawh ma’ ħutna li ħallewna. Napprezza li ta’ kull sena, meta joħroġ il-programm tal-każin ikun hemm ir-ritratt tifkira ta’ dawk li ħallewna. Donnu rridu nkunu magħkom, intom magħna wkoll. Hu rigal prezzjuż li nagħtu lill-memorja ta’ xulxin; imma wkoll statement qawwi, li aħna li qed nifirħu bil-festa tas-Salvatur. Qed nifirħu wkoll f’festa li għandha kelma mhux biss għalina f’din l-art imma għalina u għal ħutna fil-ħajja ta’ dejjem. Għaliex jekk mhux hekk, allura aħna msejknin. Din il-battikata kollha biex tarma raħal, biex tagħmel il-murtali, biex tarma l-knisja; bil-keded kollha, dawk li nġibuhom b’idejna u l-oħrajn le, tgħid: dan kollu għalfejn? Għal dawn l-erbat ijiem li qegħdin hawn, ma jfisser xejn għall-ħajja ta’ dejjem, għall-eternità? Dan irid is-Salvatur li qal: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja” (Ġw 11:25)?
Jien bi pjaċir infakkar, li l-Papa Franġisku, bniedem li jara mill-bogħod: fis-sena 2016 nieda ġublew speċjali tal-ħniena, u beda jipprepara biex fis-sena 2025 nagħmlu l-Ġublew tat-Tama; qed jippreparana biex fis-sena 2033, jekk nibqgħu ħajjin, niċċelebraw l-elfejn sena mill-mewt ta’ Ġesù u l-Qawmien tiegħu mill-imwiet.
Kemm fraħna fis-sena 2000 meta fakkarna l-elfejn sena mit-twelid tiegħu! Ejjew nippreparaw biex fis-sena 2033 nifirħu bl-elfejn sena, it-tieni millenju tal-mewt tiegħu fuq is-salib u tal-qawmien tiegħu mill-imwiet. Imma aħna nies ta’ Ħal Lija, qabel is-sena 2033, għandna appuntament importanti, biex kulħadd ixammar il-kmiem. Fis-sena 2032 hu l-elfejn sena mit-Trasfigurazzjoni. Missirijietna, fl-1932, għamlu dawk iż-żewġ piramidi ta’ quddiem il-Knisja, biex ifakkru l-1900 sena mit-Trasfigurazzjoni. Mhux qed ngħid, noqogħdu nivvintaw bini ġdid imma almenu nibdew nippreparaw spiritwalment, aħna li qed niċċelebraw il-ħniena tal-Mulej.
Il-Papa, meta ltqajna miegħu l-Isqfijiet Maltin fis-17 ta’ Mejju li għadda, tkellimna wkoll fuq il-Ġublew. Il-Papa uża din l-espressjoni bit-Taljan: Una grande festa della misericordia. Dan jixtieq li jkun il-Ġublew – festa kbira ta’ ħniena: ħniena bejnietna, ħniena mal-proxxmu, ħniena bejn il-ġnus, ħniena mal-art, ħniena mal-ħolqien, ħniena mal-ġenerazzjonijiet futuri. Festa ta’ Ħniena. U din il-festa ta’ ħniena tippreparana biex tassew niċċelebraw, u bil-qalb, il-Ġublew il-kbir tat-Trasfigurazzjoni fl-2032.
Issa għidu miegħi s-sunett li tqassam waqt il-Glorja, u intom tifhmu din il-ġabra ta’ ħsibijiet li xtaqt nesprimi llum:
Fid-dalma li timla lil qalbna bid-dieqa,
Li tgħakkes kull ħeġġa, kull ħrara għall-ġid.
Dawl jixref mis-sema bħal wens minn ġo tieqa
Li jwennes, li jsabbar, li jhenni mhux ftit.
Dawl ħlejju ta’ Iben l-Imħabba Eterna,
Li fuq l-Għolja Mqaddsa jintilef fit-talb,
Jitbiddel f’kull dija, fis-sura tal-Ġenna,
U jsawwab it-tama li timla kull qalb.
Dawl kiebi li jinfed tal-art il-ġewwieni,
Jitliegħeb mal-oqbra li jħaddnu l-mejtin,
Iwassal il-Kelma tar-rebħa tal-ħajja,
It-Tama fejjieda ta’ Ġens il-Ħajjin.
Mit-Tabor jitlissen is-sens tant mistur:
Tal-Ħajja Sultan hu Ġesù Salvatur.
Viva Ġesù Salvatur!
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Pietru 1:16-19
Salm: 96:1-2,5-6,9
L-Evanġelju: Mk 9:2-10