-
-
L‑Arċisqof Charles J. Scicluna qal li għalkemm il‑kultura tagħna tgħallem li l‑qaddisin huma biss dawk li mietu għal Kristu, fl‑eżortazzjoni l‑ġdida Gaudete et Exsultate (Ifirħu u Thennew) il‑Papa Franġisku rnexxielu jniżżel il‑qdusija minn fuq il‑pedestall. Fil‑ħames kapitli tal‑eżortazzjoni l-Papa jispjega kif fid‑dinja tal‑lum il‑qdusija tista’ tinkiseb fil‑familja, fuq il‑post tax‑xogħol u fil‑ħajja kkonsagrata fost l‑oħrajn.
Waqt il‑preżentazzjoni tal‑verżjoni bil‑Malti tal‑eżortazzjoni appostolika Ifirħu u Thennew, li saret fis‑Seminarju, l‑Arċisqof Charles J. Scicluna fisser kif il-qdusija tista’ tinkiseb permezz ta’ ġesti żgħar ta’ mħabba kuljum u minn kulħadd, inkluż mill‑ommijiet, il‑missirijiet, in‑nanniet u saħanistra l‑ġirien.
L‑Arċisqof irrimarka li l‑Papa Franġisku ma jħobbx “qaddisin b’wiċċ ta’ qrusa jew li jgergru” u għalhekk ħeġġeġ għal aktar sens ta’ umoriżmu u ferħ fil-ħajja tagħna. Huwa propju għalhekk li l‑ferħ u l‑hena tal‑ħajja Nisranija huma t‑titlu tal‑eżortazzjoni, Gaudete et Exsultate, l‑istess kliem li Ġesù jgħid lil dawk li huma ppersegwitati jew umiljati għaliex jimxu warajh (ara Mt 5:12).
Mons. Arċisqof enfasizza li għall‑Papa Franġisku, it-tmien beatitudnijiet li nsibu fl‑Evanġelju huma t‑triq li jwasslu għall‑qdusija. Il‑Papa jgħid li meta tgħix il‑beatitudnijiet fid‑dinja tal‑lum tkun qed tmur kontra x‑xewqa li tippossjedi, li tidher, li tkun indifferenti lejn l‑oħrajn, li tkun vjolenti, jew li toppressa lill‑oħrajn.
Il‑Papa jsemmi wkoll b’mod kontinwu l‑ġlieda spiritwali mal-ħażen u jirreferi għall‑“korruzzjoni spiritwali” bħala agħar mill‑waqgħa tal‑midneb għaliex din twassal biex fl‑aħħar kollox jidher aċċettabli.
L‑eżortazzjoni appostolika Gaudete et Exsultate hi t‑tielet waħda tal‑Papa Franġisku, wara Evangelii Gaudium ippubblikata fl‑2013 u Amoris Laetitia fl‑2016.
Il‑verżjoni stampata tal‑eżortazzjoni hija disponibbli mill‑ħanut Emmaus f’Birkirkara, filwaqt li l‑verżjoni online tinsab fuq il‑websajt uffiċjali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta www.knisja.mt u l‑websajt tas‑Segretarjat għal‑Lajċi www.laikos.org fejn hemm ukoll verżjoni bl‑awdjo għall‑persuni neqsin mid‑dawl.
-
-
-
-
-