L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Forsi wieħed ta’ min jistaqsi għaliex nisimgħu dan l-Evanġelju propju f’dan l-istaġun tar-Randan. Ma nafx jekk kellkomx ix-xorti ssegwu l-liturġija sabiħa li għamilna fil-parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, il-Ħadd li għadda, meta lil dawn ħutna li se jitgħammdu fl-Għid, lill-adulti, l-Isqof għamlilhom l-ewwel skrutinju; l-ewwel skrutinju: theżżiża ġejja mil-Latin ‘scrutare’, anke li tgħarbel, theżżeż biex tgħarbel. 

Waħda mit-talbiet ta’ dan l-ewwel skrutinju qabel il-Magħmudija tagħhom hija li huma jagħrfu ħtijjiethom – mhux qrara pubblika. Imma peress li l-Magħmudija taħfer id-dnubiet, il-katekumeni jridu jirrealizzaw li għandhom bżonn il-maħfra ta’ dnubiethom. lmbagħad l-Isqof jagħmel talba ta’ eżorċiżmu. Jitlob li l-Mulej jeħlishom mill-ħakma tax-xitan. U hekk ukoll, fl-iskrutinju tal-Ħdud li fihom se nlaqqgħuhom, nitolbu wkoll fuqhom il-ħelsien, pereżempju mill-qawwa tas-seħer, tal-maġija; ħafna affarijiet li anke aħna l-imgħammdin kultant naqgħu fihom. 

Allura, dan l-Evanġelju jispjegalna għaliex il-Knisja għandha din il-qawwa fuq ix-xitan, li kienet il-qawwa ta’ Ġesù stess. U Ġesù jinsisti li l-qawwa fuq ix-xitan mhux ġejja għax għandu xi ftehim miegħu: ‘issa aħna taparsi nagħmlu li inti ħriġt, niftiehmu bejnietna’. Ġesù jinsisti li m’hemmx kompliċità bejnu u bejn ix-xitan. Huwa wieħed mill-mumenti fejn kważi jieħu għalih għax, biex jinkuh u biex iwaqqgħulu l-qawwa tiegħu, jgħidu: “Imma dan jiftiehem max-xitan u jagħmlu xena” (ara Lq 11:15).

Importanti ħafna li aħna ma noqogħdux imwerwrin u ffissati mix-xitan. Jekk inti ma’ Ġesù, jekk inti tersaq lejn il-qrar: il-qrar l-aħwa huwa l-ikbar eżorċiżmu. Inqerru ta’ spiss biex ikollna din il-qawwa kontra l-inganni tal-ħażin, tal-ħażen. Li aħna nersqu lejn il-Mulej, ngħidulu: “għandi bżonn il-ħniena tiegħek; aħfirli dnubieti”, huwa l-aqwa eżorċiżmu għax huwa Ġesù stess li qed ifejqek, qed jilliberak, qed jagħtik il-qawwa biex ma tinfiridx minnu.

Importanti wkoll nifhmu li dan ix-xitan li keċċa Ġesù huwa xitan imbikkem. “Ġesù kien qiegħed ikeċċi xitan, li kien ibikkem” (Lq 11:14). Aħna, ħafna drabi, inkunu vittmi tat-tbikkim, ma nitkellmux: in-nuqqas ta’ komunikazzjoni fil-familja, bejn il-koppja, il-ġenituri mal-ulied, l-ulied mal-ġenituri, fuq ix-xogħol. Ejjew naraw, fil-ħajja tagħna, kemm hemm mumenti fejn aħna qegħdin imjassrin mill-ispirtu mbikkem, mhux bilfors mix-xitan, imma mill-ispirtu mbikkem. U nitolbuh il-Mulej jeħlisna, għax meta x-xitan ħareġ, l-imbikkem tkellem. Il-Mulej, illum, mhux biss nitolbuh jeżerċita l-qawwa tiegħu biex jeħlisna, imma wkoll nitolbuh din il-ħaġa: eħlisna mill-ispirtu mbikkem li jfixkel il-komunikazzjoni ta’ bejnietna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: Ġer 7:23-28
Salm: 94 (95):1-2,6-7,8-9
L-Evanġelju: Lq 11:14-23