Fil-11 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) kienet ħarġet stqarrija li fiha kienet ikkundannat l-att vandalu li kien sar dak iż-żmien lil ’l fuq minn tlett elef siġra. Il-KA kienet ingħaqdet ma’ eluf ta’ Maltin li ħassewhom urtati b’dak l-att għax:
“Bħal kull dnub ieħor, atti bħal dawn jippruvaw inisslu sens ta’ inċertezza bl-iskop li jiddistabilizzaw lill-komunità, li qed tipprova tgħix l-esperjenza ta’ familja magħha nnifisha, mal-Ħallieq u mal-ħolqien kollu.”
Fis-satra tal-lejl, għat-tieni darba u fl-istess post, persuna jew persuni rresponsabbli wettqu att vandalu fuq siġar imħawla fis-sit ta’ Foresta 2000. Għal darb’oħra l-KA tingħaqad ma’ diversi persuni, entitajiet u organizzazzjoniet oħra sabiex tikkundanna bla riżerva dan l-att viljakk u insensat li reġa’ fakkar lill-komunità Maltija li l-ħażen – jekk jitħalla għaddej – jerġa’ jerfa’ rasu u jferiha.
Dan l-att li sar hu deplorevoli għax, minbarra li ħasad il-ħajja ta’ 104 siġra taż-Żnuber li kienu ilhom jikbru għal dawn l-aħħar tliet snin, wera li min wettaq dan l-att ried iweġġa’ lil tant tfal u ċittadini li kkontribwew sabiex gżiritna tkabbar foresta fl-inħawi tal-Mellieħa, speċjalment wara l-ewwel qerda li kienet saret. Dan l-att vandalu hu, bħal kull dnub ieħor, offiża diretta lejn il-komunita` u lejn il-Missier ta’ din il-familja. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jisħaq li:
“Tagħmel ħsara f’xi proprjeta` privata jew pubblika hi kontra l-liġi morali u titlob riparazzjoni.”
Għalhekk il-KA filwaqt li tikkundanna l-aġir, tappella lil min wettaq dan ir-reat sabiex jindem minn dak li għamel u jsib mezz kif ipatti għall-ħsara li għamel. Min-naħa l-oħra, il-KA terġa’ tfakkar f’dak li qalu kemm il-Papa Benedittu XVI u l-Papa Ġwanni Pawlu II li l-kriżijiet ambjentali huma fil-verità kriżijiet morali … kriżijiet ta’ valuri. Il-KA tħoss li bħala poplu, u aktar u aktar bħala Nsara, ma nistgħux nibqgħu gallarija, nikkundannaw atti bħal dawn u daqshekk.
Sfortunatament, f’Malta għandna t-tendenza li quddiem sfreġi ambjentali simili nagħmlu furur fuq il-medja, noħorġu stqarrijiet u forsi nagħmlu xi protesti imma wara ftit nerġgħu lura għall-ħajja normali qisu ma ġara xejn – u kulħadd jibqa’ b’li ]a. Ma rridux ninfthemu ħażin, it-tħawwil ta’ numru akbar ta’ siġar hu diġa` pass tajjeb ’il quddiem sabiex titfejjaq il-ħsara. Imma l-KA t]oss li wasal iż-żmien li l-poplu Malti juri l-maturita` ambjentali tiegħu. Wasal iż-żmien li kwistjonijiet ambjentali ma jibqgħux prerogattiva tal-għaqdiet ambjentali biss. Wasal iż-żmien li KULL ċittadin Malti jħoss id-dover li jiddefendi l-ambjent – għax wara kollox dak hu l-wirt tagħna lkoll … u ta’ uliedna. Biex dan iseħħ jeħtieġ inwarrbu l-interessi personali u nimpenjaw ruħna għall-ġid komuni tas-soċjetà tagħna.
L-akbar diżgrazzja li tista’ tiġrilna bħala soċjeta` hi li nispiċċaw nikkoabitaw mal-ħażen … li naċċettaw il-preżenza tiegħu fostna minnflok ningħaqdu biex neqirduh. Sfortunatament, maż-żmien aċċettajna stili ta’ ħajja li ma jirrispettawx la lid-dinjità tal-bniedem u lanqas l-ambjent li fih jgħix. F’kundizzjonijiet simili, il-ħa\en isib fejn ibejjed, joktor u eventwalment jispiċċa sabiex jerfa’ rasu u jigdem. U hekk jiġri kull meta nibqgħu siekta quddiem id-dnub. Il-KA temmen li f’komunita` daqshekk żgħira – bħal dik Maltija – li fiha kulħadd jaf lil kulħadd, hu prattikament impossibbli li tagħrif dwar reati b]al dawn (u oħrajn inqas jew aktar gravi) jibqa’ mhux magħruf. Dan l-aħħar intqal ħafna fuq id-dmir li għandu kull min jaf b’xi abbużi sabiex jirrapurtahom – u bir-raġun. Imma bħala poplu matur jeħtieġ li napplikaw l-istess prinċipju għall-kuntesti kollha li fihom hemm il-ħażen.
Għalhekk il-KA, għal darb’oħra tappella lil:
“… kull min jaf b’xi informazzjoni dwar dan l-att sabiex jikkopera mal-awtoritajiet fl-investigazzjonijiet tagħhom. Min jagħżel li jibqa’ sieket ikun qiegħed jonqos u ma jkunx jgħin biex il-problema titrażżan.”