Il-Prezentazzjoni tal-Imqaddsa Vergni Marija

Luke 19,11-28

Huma u jisimgħu dan, Ġesù żied jgħid parabbola, għax kien qrib Ġerusalemm, u n-nies kien mingħalihom li s-Saltna ta’ Alla kienet se tidher minnufih. Mela qal: “Wieħed raġel nobbli siefer f’pajjiż fil-bogħod biex jagħmluh sultan u mbagħad jerġa’ lura. Sejjaħ għaxar qaddejja tiegħu, tahom għaxar miniet u qalilhom: ‘Ħaddmuhom, sa ma nerġa’ niġi.’ Issa n-nies ta’ pajjiżu kienu jobogħduh, u bagħtu ambaxxata warajh biex jgħidu, ‘Ma rriduhx lil dan isaltan fuqna.’ Ġara li, meta ħa s-saltna u raġa’ lura, bagħat isejjaħ lil dawk il-qaddejja li kien tahom il-flus, biex ikun jaf kif ħaddmuhom u x’qalgħu. Resaq l-ewwel wieħed u qallu, ‘Sinjur, bil-mina tiegħek qlajt għaxar miniet.’ Qallu, ‘Sewwa, qaddej tajjeb! Ladarba kont fidil f’ħaġa tassew żgħira, ħu f’idejk is-setgħa fuq għaxart ibliet.’ Ġie t-tieni wieħed u qallu, ‘Sinjur bil-mina tiegħek daħħalt ħames miniet.’ Lil dan ukoll qallu, ‘U int ħu taħt idejk ħamest ibliet.’ U ġie ieħor u qallu, ‘Sinjur, hawn ara l-mina tiegħek li jien żammejt merfugħa f’maktur. Għax jien bżajt minnek billi inti bniedem aħrax, li tfittex dak li ma ħżintx, u taħsad dak li ma żrajtx.’ Qallu, ‘Fuq kliemek stess nagħmel ħaqq minnek, ja qaddej ħażin! Kont taf li jiena bniedem aħrax, nfittex dak li ma ħżintx u naħsad dak li ma żrajtx. Mela għax ma mortx tqiegħed flusi  l-bank biex meta niġi kont niġbidhom bl-imgħax?’ Mbagħad qal lil ta’ madwaru, ‘Ħudulu l-mina u agħtuha lil dak li għandu l-għaxar miniet.’ ‘Imma, sinjur,’ qalulu, ‘għandu għaxar miniet!’ ‘Ngħidilkom li kull min għandu, jingħatalu; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Lil dawk l-għedewwa tiegħi mbagħad li ma ridunix insaltan fuqhom, morru ġibuhom hawn u agħtuhom il-mewt quddiemi.’ Kif qal dan, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn.