Agħfas hawn biex tara l-iktar edizjoni riċenti tal-programm ‘Kelma għall-Ħajja’.

Matthew 5,38-48

“Smajtu x’intqal, ‘Għajn b’għajn u sinna b’sinna’. Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar. U jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn. Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek. “Smajtu x’intqal, ‘Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex. Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? M’hux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? M’hux il-pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet.”