Fil-jiem li għaddew ġie inawgurat Ġnien il-Meditazzjoni f’Dar Ħanin Samaritan, li huwa parti mir-residenza ta’ Dar il-Ħanin Samaritan u ċ-Ċentru tal-Konferenzi f’Santa Venera.

Dan kien iddisinjat mill-Perit Richard England hu spazju sagru li kull min jidħol fih jista’ jinġabar u jduq is-silenzju, iżda fuq kollox wieħed jista’ jesperjenza is-sbuħija tal-kuluri, tal-forom u tad-dwal, li jwasslu biex jiffaċilitaw il-laqgħa tal-bniedem li jżur dan il-ġnien ma’ Alla.

Il-ħsieb wara dan il-ġnien hu li l-bniedem huwa intrinsikament attirat lejn is-sbuħija u hi l-istess sbuħija li twassal lill-bniedem biex jinbidel u jsir aktar tajjeb u ġust. Dan huwa t-traġitt tal-bniedem lejn il-verità, lejn l-iskopertà ta’ Alla.

It-tberik tal-ġnien sar minn Dun Kevin Schembri fil-preżenza ta’ dawk li taw sehemhom biex dan il-proġett isir realtà.

Ritratti: SDCMUSUEM