• Festa Devozzjonali tal-Verġni Mqaddsa Marija tad-Duluri

    San Ġwann 10:31-42

     Il-Lhud reġgħu qabdu l-ġebel biex tħaġġruh. Imma Ġesù qalilhom: “Kien hemm ħafna għemejjel tajba li jiena wrejtkom mingħand il-Missier; għal liema għemil minnhom tridu tħaġġruni?” Weġbuh il-Lhud: “Mhux għal xi għemil tajjeb irridu nħaġġruk, iżda minħabba d-dagħwa li dgħajt, u għax int, li m’intix ħlief bniedem, qiegħed tagħmel lilek innifsek Alla.” Qalilhom Ġesù: “Fil-Liġi tagħkom ma hemmx miktub, ‘Jiena għedt: Intom allat’? Issa jekk il-Liġi ssejjaħ allat lil dawk li waslitilhom il-kelma ta’ Alla – u  l-Iskrittura ma tistax titħassar – mela lili, li l-Missier ikkonsagrani u bagħatni fid-dinja, kif tgħiduli, ‘Qiegħed tidgħi,’ għax għedtilkom li jien Bin Alla? Jekk jien m’iniex nagħmel l-għemejjel ta’ Missieri, temmnunix;  imma jekk qiegħed nagħmilhom, jekk ma temmnux lili, għallinqas emmnu l-għemejjel, biex tkunu tafu u tagħrfu li l-Missier huwa fija u jiena fil-Missier.” Għal darb’oħra fittxew li jaqbduh, imma hu ħarbilhom minn taħt idejhom. U raġa’ mar in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn qabel kien hemm Ġwanni jgħammed, u baqa’ hemm. Kienu ħafna dawk li marru ħdejh, u qalu: “Ġwanni ma għamel ebda sinjal, imma kollu minnu kull ma qal Ġwanni fuq dan il-bniedem.” U hemmhekk ħafna emmnu fih.

    Qaddis tal-jum: San Ġwann tal-Eġittu