Mark 10, 17-27

Kien se jaqbad it-triq, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkubbtejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”  “Għaliex qiegħed issejjaħli ‘tajjeb’?” qallu Ġesù,”ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u  ‘l ommok.” U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti.” Mbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih   lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; mbagħad ejja u imxi warajja.” Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid. Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla! Id-dixxipli stagħġbu għal din  il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla!” Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Mela min jista’ jsalva?” Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun.”

Il-Qaddis tal-jum: San German ta’ Parigi