Fl-okkażjoni tal-laqgħa dinjija li ser issir f’Milan mit-30 ta’ Mejju sat-3 ta’ Ġunju 2012 bit-tema “Il-Familja, ix-Xogħol u l-Jum ta’ Festa u Mistrieħ”, il-Penitenzerija Apostolika, b’Digriet tas-17 ta’ Mejju, ħabbret li l-Papa Benedittu XVI qiegħed jagħti dawn l-indulġenzi lill-fidili kollha li, b’sens ta’ indiema, jagħmlu ħilithom għall-qdusija tal-familja fuq l-eżempju tal-Familja Qaddisa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi.

L-Indulġenza Plenarja tingħata bil-kundizzjonijiet tas-soltu (qrara, tqarbina u talb skont l-intenzjoni tal-Papa) lil kull min jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni f’Milan.  Tingħata wkoll lil kull min jingħaqad spiritwalment mal-fidili f’Milan u jgħid mal-familja il-“Missierna”, il-“Kredu” u talb ieħor biex jaqla’ mill-Ħniena Divina il-finijiet imsemmija, speċjalment waqt li l-Papa jkun jitkellem, f’dik l-okkażjoni, fuq ir-radju u fuq it-televiżjoni.

Tingħata wkoll indulġenza parzjali lil kull min, fil-ġranet imsemmija, b’sens ta’ indiema, jitlob għall-ġid veru tal-familji.

Ċirkolari maħruġa mill-Kurja Arċiveskovili ta’ Malta, Floriana, illum 28 ta’ Mejju, 2012.