• San Mattew 4:12-17.23-25

      Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. Telaq minn Nazaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,
       
                             ‘Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali,
                              It-triq tal-baħar, art ‘il hemm
                              mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus!
                              Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam
                              ra dawl kbir;
                              dawk li kienu f’art u dell il-mewt
                              idda dawl għalihom.’
       
      Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.” U dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost  il-poplu. Il-fama tiegħu xterdet mas-Sirja kollha, u bdew iġibulu lil kull min kellu xi hemm fuqu, dawk li kienu jbatu b’xi mard jew uġigħ, il-maħkumin mix-xitan, il-morda b’tal-qamar, il-mifluġin, u kien ifejjaqhom. U bdew imorru warajh folol kbar mill-Galilija,  mid-Dekapoli, minn Ġerusalemm u mil-Lhudija, u mill-inħawi ‘l hemm mill-Ġordan.


      Qaddis tal-jum: San Ġwann N. Neumann, Isqof