It-19- il-Hadd tas-Sena

Gwann 6, 41 – 51

Il-Lhud bdew igergru fuqu għax kien qal, ‘Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema.’ U bdew jgħidu: “Dan m’huwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ‘l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid, ‘Jiena nżilt mis-sema’?” Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom. Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.  Hemm miktub fil-Profeti, ‘U kulħadd ikun mgħallem minn Alla.’ Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem. Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx. Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.”