Fil-messaġġ tiegħu fi tmiem ir-Ramadan, il-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Interreliġjuż qal li l-edukazzjoni taż-żgħażagħ għall-paċi, kulma jmur qed issir urġenza. Il-messaġġ kien ippubblikat mill-Vatikan it-Tlieta.
Il-ġustizzja u l-paċi, innotat l-istqarrija, huma inseparabbli mill-verita u l-liberta. “Jekk l-edukazzjoni hi fdata lis-soċjeta kollha kemm hi, allura hi l-ewwel u qabel kollox, b’mod partikolari, ir-responsabbilta tal-ġenituri u l-familji, u flimkien magħhom, l-iskejjel, l-universitajiet u dawk li huma responsabbli mill-ħajja ekonomika, reliġjuża, kulturali u soċjali, kif ukoll mid-dinja tal-komunikazzjoni. Hi intrapriża sabiħa u diffiċli fl-istess waqt: li tgħin lit-tfal u ż-żgħażagħ jiskopru u jiżviluppaw ir-riżorsi li bihom il-Ħallieq żejjinhom u jibnu relazzjonijiet umani responsabbli”.
Waqt li silet minn kliem il-Papa Benedittu XVI, il-President tal-Kunsill Pontifiċju, flimkien mas-Segretarju, it-tnejn firmatarji tal-messaġġ, irrimarkaw li llum huma meħtieġa aktar xhieda awtentiċi. Temmew jgħidu li wieħed lanqas ma jridx jinsa li ż-żgħażagħ huma wkoll responsabbli għall-edukazzjoni u l-formazzjoni tagħhom stess fir-rigward tal-ġustizzja u l-paċi.