Grief at the attack on the Sikh community

Iċ-Ċermen tal-Kumitat tal-Isqfijiet Amerikani għall-Affarijiet Ekumeniċi u Reliġjużi esprima s-solidarjeta tal-Isqfijiet mal-komunita Sikh fl-Istati Uniti tal-Amerka wara t-traġedja tal-Ħadd bi sparer fit-tempju tas-Sikh f’Wisconsin.

“F’dal-mument ta’ niket u telfa, il-kattoliċi juru sogħba mal-komunita Sikh”, qal l-Isqof Awżiljarju ta’ Baltimore Denis Madden. “Aħna naqsmu flimkien ħbiberija ġenwina flimkien mal-ispirtu tal-imħabba t’Alla u l-ispirtu ta’ fiduċja fil-komunitajiet rispettivi. Dan jagħmel it-traġedja tal-Ħadd iktar diffiċli biex wieħed jaċċettaha u jifhimha”, kompla.

It-traġedja laqtet lill-komunita tas-Sikh f’Oak Creek, Wisconsin, meta veteran fl-armata Amerikana, Wade Michael Page, daħal fit-tempju waqt is-servizzi tal-Ħadd u spara fuq in-nies, tant li qatel sitta u darab tlieta oħra. Minn xħin seħħet it-traġedja ma waqfitx tintwera sogħba ma’ din il-komunita, saħansitra mill-President Amerikan Barack Obama.

L-Isqof Madden qal li l-Isqfijiet Amerikani jappoġġjaw lill-komunita Sikh b’kundanna għal kull xorta ta’ vjolenza, partikolarment dik ispirata minn intolleranza reliġjuża. L-Isqof żied li jagħmilha iktar ta’ niket il-fatt li t-traġedja seħħet f’post ta’ qima fuq nies miġbura jagħtu ġieħ lil Alla. L-Isqof temm iwiegħed talb lill-familjari u l-qraba tal-vittmi.