Il-Kunsill Pontifiċju għall-Familja se jkun qed ifakkar l-anniversarju mit-twaqqif tiegħu waqt Assemblea Plenarja il-ġimgħa d-dieħla, li se taħbat ukoll mat-30 anniversarju ta’ “Familiaris Consortio”. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, kienet ippreżentata l-konferenza li se ssir bejn it-Tlieta u l-Ħamis. Kienu uffiċjali ta’ dan id-dekasteru tal-Vatikan li għamlu din il-preżentazzjoni.
Il-President tal-Kunsill, il-Kardinal Ennio Antonelli, issottolinea temi mill-“Familiaris Consortio” bħall-irwol ċentrali tal-familja fl-evanġelizzazzjoni l-ġdida u l-ministeru pastorali fil-parroċċi u d-djoċesijiet. Huwa ssottolinea wkoll is-sejħa missjunarja tal-familja “li tgħix, tesponi u xxandar l-imħabba u l-preżenza ta’ Kristu fid-dinja; biex issir sinjal qawwi ta’ kredibilita tal-Vanġelu permezz ta’ prokreazzjoni responsabbli, kura tat-tfal, impenn f’ħidma u tħassib lejn il-fqar u l-iktar fil-bżonn, talb fid-dar, sehem fil-quddies u attivitajiet tal-Knisja u involviment fis-soċjeta ċivili”.
Is-Segretarju tal-Kunsill Pontifiċju, l-Isqof Jean Laffitte, innota kif xejriet fil-leġislazzjoni jdgħajfu is-sisien tal-familja, li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien qal li ma tistax tifred fiha l-imħabba konjugali. L-Isqof kompla li “dan jidher ovvju, pero leġislazzjoni riċenti illeġittimizzat ġuridikament mudelli alternattivi tal-familja li jisseparawha mill-istess għeruq tagħha – l-imħabba ta’ raġel u l-imħabba ta’ mara li jsiru mħabba waħda, indissollubbli”.
Huwa rrefera wkoll għal dawk li sejjaħ “diffikultajiet ġodda” bħaż-żwieġ fil-Knisja li “ħafna drabi m’għadux parti mill-ħajja attiva tal-fidi, li jfisser li l-għarfien tal-qdusija taż-Żwieġ Nisrani intilfet”.
Hekk nistgħu naraw għaliex il-kura pastorali taż-żwieġ u l-familja illum, teħtieġ konsiderazzjoni serja u profonda.
“Familia et vita”, tal-Kunsill Pontifiċju għall-Familja, se tkun qed tiddedika edizzjoni speċjali fl-okkażjoni tat-30 amminversarju tal-“Familiaris Consortio”. Id-29 artiklu tagħha inkitbu minn esperti u skulari dwar temi ewlenin li jikkaratterizzaw l-eżortazzjoni appostolika. Fost dawn, 5 kardinali, 10 arċisqfijiet u isqfijiet u sitt lajċi – li jinkludu 4 nisa. Il-ħidma tal-plenarja tista’ tkun segwita mis-sit internet tad-dekasteru www.familia.va