Id-deċiżjoni tal-Papa li jibgħat delegazzjoni tal-Vatikan għall-Konferenza tal-Ġnus Maqgħuda dwar ir-razziżmu qed jingħad li ħolqot qasma friska fir-relazzjonijiet mal-gruppi Lhud, li jingħad li jista’ jkun li qed tintuża wkoll bħala pjattaforma biex ikun attakkat Israel.
Il-gruppi Lhud ikkritikaw lill-Vatikan eżattament qabel ma d-diplomatiċimxew ‘il barra mill-konferenza meta l-President Iranjan Mahmoud Ahmadinejad akkuża lil Israel li qed toħloq “reġim razzista kattiv” fuq il-Palestinjani.
Riccardo di Segni, Chief Rabbi ta’ Ruma, tkellem mal-gazzetta La Stampa u qal li “bil-parteċipazzjoni tiegħu, il-Vatikan bħal donnu qed japprova x’qed jinħema kontra Israel”.
L-Amerika u wħud mill-alleati tagħha, inkluż l-Italja, pajjiż li soltu jara għajn m’għajn mal-Vatikan, qed jibbojkottjaw il-laqgħa. Riċentament, il-Papa sejjaħ il-laqgħa “inizjattiva importanti” u wera t-tama li tkun opportunita li tgħin biex “titwaqqaf kull xorta ta’ razziżmu, diskriminazzjoni u intolleranza”.
Min-naħa tiegħu d-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi, iddefenda l-pożizzjoni tal-Vatikan u s-sehem tiegħu fil-laqgħa għax qal li kull test li kien oġġezzjonabbli tneħħa mid-diskorsi u għalhekk qal li ma rax problemi.