Tħabbret il-mewt tal-Isqof Malti Joe Grech li huwa minn Ħal Balzan. Huwa kien Isqof tad-Djoċesi ta’ Sandhurst ġewwa Victoria, l-Awstralja. L-Isqof Grech li kellu 62 sena miet llum, it-Tlieta, 28 ta’ Diċembru 2010, fit-3.00 p.m. (5.00 a.m. ħin lokali). Huwa sar Isqof ta’ Sandhurst nhar is-27 ta’ April 2001 u kien responsabbli għall-emigranti u r-refuġjati, u għaż-żgħażagħ f’isem il-Konferenza Episkopali Awstraljana.

.

.

MESSAĠĠ MILL-ISQFIJIET MALTIN

.

Ftit siegħat ilu waslet l-aħbar li l-Eċċellenza Tiegħu l-Isqof Joe Grech, Isqof ta’ Sandhurst fl-Awstralja, temm il-missjoni tiegħu fuq din l-art u mar jingħaqad ma’ Kristu Rxoxt fid-Dar tal-Missier.

L-Isqof Joe Grech li huwa mill-Arċidjoċesi ta’ Malta, għal ħafna snin wettaq il-missjoni tiegħu bħala saċerdot u bħala isqof fl-Awstralja kemm għall-emigranti Maltin f’dak il-kontinent, kif ukoll għall-poplu t’Alla fl-Awstralja fdat f’idejh.

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex flimkien mal-Kleru u mar-Reliġjużi u l-Lajċi li tant drabi l-Isqof Grech saħħaħ bix-Xandir tal-Kelma, b’sens qawwi ta’ fidi u tama, jingħaqdu fit-talb f’dan il-mument speċjali mal-familja tal-Isqof Grech, mal-aħwa tiegħu fl-Episkopat fl-Awstralja, mal-Kleru, Reliġjużi u Lajċi fid-Djoċesi ta’ Sandhurst u ma’ dawk kollha li f’ħajtu gawdew mill-ħidma pastorali tiegħu.

MESSAĠĠ MILL-KUMMISSJONI EMIGRANTI

.

Il-Kummissjoni Emigranti u t-taqsima għas-Saċerdoti, Reliġjużi u Lajċi Maltin barra minn Malta jingħaqdu mas-saċerdoti, mal-Maltin u l-Assoċjazzjonijiet tal-Maltin emigranti fl-Awstralja fis-sogħba tagħhom għat-telfa ta’ l-E.T. Mons. Joe Grech, Isqof ta’ Sandhurst, Victoria, Australia, li ġrat nhar it-28 ta’ Dicembru, 2010. Toffri l-kondoljanzi lill-familjari tieghu, ħutu u qrabatu.

Mons. Grech twieled Ħal Balzan, Malta, fl-10 ta’ Dicembru 1948, ġie ordnat saċerdot fl-istess parroċċa fit-30 ta’ Novembru 1974 u kkonsagrat Isqof fl-10 ta’ Frar 1999.  Inħatar Isqof ta’ Sandhurst fit-8 ta’ Marzu 2001. Huwa serva bħala membru tal-Kummissjoni ta’ l-Isqfijiet għall-Formazzjoni tal-Ħidma Missjunarja u ta’ Fidi u wara taż-Żgħażagħ u Refuġjati. Kien ukoll l-ewwel isqof Malti maħtur fl-Awstralja.

Il-Kummissjoni Emigranti tixtieq tesprimi l-ferħ tagħha għall-kliem sabiħ u komplementuż li għamlu sħabu l-isqfijiet Awstraljani. Huma faħħruh l-aktar għall-ispiritwalita’ tiegħu u għall- ħidma karismatika li wettaq fost iż-żagħżagh u r-refuġjati.