praying-hands

“Meta saċerdot jitlob inqas, tiddgħajjef il-fidi tiegħu u ssofri l-komunita nisranija taħt il-kura tiegħu”.

Dan iddikjarah il-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Kleru, il-Kardinal Claudio Hummes, f’ittra li kiteb lis-saċerdoti dwar l-importanza tat-talb.

“It-talb jokkupa post ċentrali fil-ħajja tas-saċerdot”, il-Kardinal isokta. “Mhux faċli wieħed jifhimha. It-talb iżomm l-intimita tad-dixxiplu mal-imgħallem tiegħu, li hu Ġesu Kristu. Ilkoll nafu li meta t-talb jonqos, tiddgħajjef il-fidi u jintilef mill-iskop tal-ministeru. Konsegwenza ta’ dan hi inqas ferħ fil-ministeru tiegħu ta’ kuljum”.

Il-Kardinal Hummes kompla jispjega li s-saċerdot jeħtieġ it-talb biex iżomm il-komunita Nisranija b’saħħitha. Meta kkwota minn San Ġwann Krisostmu qal li “il-ħażen jattakka lir-Ragħaj. Billi joqtol in-ngħaġ, il-merħla tonqos. Jekk minflok jelimina lir-Ragħaj, ikun ħeles mill-merħla kollha”.

Il-Kardinal Hummes temm jgħid li “mingħajr it-talb is-saċerdot jimrad spiritwalment; id-dixxiplu ma jsibx il-qawwa biex jibqa’ jimxi wara l-Imgħallem tiegħu, u jmut bil-ġuħ. Konsegwenza ta’ dan il-merħla titfixkel u eventwalment tmut”.