WYD11-logo

Il-Vatikan approva l-padruni u l-postijiet fejn se jsiru l-attivitajiet ewlenin taċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss f’Madrid fi Spanja f’Awissu 2011.

Il-Qaddisin approvati huma disgħa l-istorja tagħhom tirrifletti l-istorja tal-Knisja fi Spanja. Dawn huma San Sidor ħaddiem u martu Santa Marija de la Cabeza, Santa Tereża ta’ Avila u San Ġwann tas-Salib, Santa Rosa ta’ Lima, San Franġisk Saverju u San Rafel Arnaiz. Dan tal-aħħar kien kanonizzat f’Ottubru li għadda. Il-qaddisin padruni huma kollha ta’ oriġini Spanjola. B’dan il-mod il-qaddisin magħżula jkunu relatati mal-istorja tal-Knisja fil-pajjiż, kif kien ġara fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Cologne fil-Ġermanja.

Minbarra l-padruni, kienu approvati wkoll il-postijiet fejn se jinżammu l-ikbar ċelebrazzjonijiet u attivitajiet. Iż-żgħażagħ se jkunu qed jilqgħu lill-Papa f’Madrid fit-18 t’Awissu 2011 f’Cibeles Plaza, post ċentrali u magħruf minn kulħadd. It-triq tas-salib l-għada se tinżamm fi triq Recoletos. Il-laqgħa tal-Papa maż-żgħażagħ l-għada 20 t’Awissu se sir fi Cuatro Vientos, 5 mili miċ-ċentru tal-belt. Il-perimetru ta’ 10 kilometri f’dal-post jagħti spazju lill-folol li se jattendu għall-vġili u għall-quddiesa l-għada. Fl-2003 kien intuża l-istess post meta ż-żgħażagħ iltaqgħu mal-Papa Ġwanni Pawlu II.