l-Papa Benedittu XVI iltaqa’ mal-mexxejja tad-diversi dekasteri tal-Kurja ta’ Ruma u anki xi membri mill-Kulleġġ tal-Kardinali sabiex jevalwa ideat u jieħu pariri dwar il-mod kif għandha tiġi trattata l-kwistjoni ta’ dokumenti kunfidenzjali tal-Papa li spiċċaw f’idejn il-media.
Il-kelliem għall-Uffiċċju Stampa, Patri Federico Lombardi, qal fi stqarrija uffiċjali li l-Papa approfondixxa r-riflessjoni tiegħu permezz ta’ djalogu kontinwu ma’ dawk li jġorru miegħu l-piż u r-responsabbilta tat-tmexxija tal-Knisja.
Riċentament il-Papa talab informazzjoni dwar il-progress tal-investigazzjoni u ltaqa’ mal-Kummissjoni tal-Kardinali li kien iddelega lilhom dan l-irwol. Mil-laqgħa ma’ xi Kardinali t’esperjenza twila ta’ servizz lill-Knisja, il-Papa ntqal li talab xi pariri dwar kif tista’ tkun restawrata l-klima tant mixtieqa ta’ serenita u fiduċja fil-Knisja.
Il-kelliemi qal li fil-jiem li ġejjin il-Papa se jissokta bit-taħditiet u l-osservazzjonijiet tiegħu, speċjalment fid-dawl taċ-ċelebrazzjoni tat-tifkira ta’ San Pietru u San Pawl, li tlaqqgħu ma’ mexxejja tal-Knisja li jkunu fil-Vatikan għall-okkażjoni.