Il-Vatikan ingħaqad bħala Stat Membru mal-Organizzazjoni Dinjija tal-Migrazzjoni. It-talba tas-Santa Sede intlaqgħet waqt laqgħa plenarja ta’ din l-organizzazjoni ibbażata f’Ġinevra.

L-Organizzazjoni Dinjija tal-Migrazzjoni temmen fil-prinċipju li l-migrazzjoni organizzata u li tirrispetta l-umanita’ tal-bniedem igawdu minnha kemm l-immigranti kif ukoll is-soċjeta’ li tilqagħhom.

L-Osservatur Permanenti tal-Vatikan fin-Nazzjonijiet Uniti, l-Arċisqof Silvano Tomasi qal li huwa importanti li l-Knisja tieħu sehem attiv fil-ħidma tal-komunita’ internazzjonali f’sitwazzjoni fejn qed jiżdiedu l-immigranti u r-refuġjati madwar id-dinja. L-Arċisqof Tomasi qal li s-Santa Sede tista’ sservi ta’ vuċi etika li tagħti interpretazzjoni friska ta’ dawn is-sitwazzjonijiet. Qal li l-enfasi għandha tkun inqas fuq il-politika u iktar fuq kif jintlaqgħu il-bżonnijiet umani ta’ dawn in-nies.