Hekk kif f’lejlet il-Milied, il-Papa Franġisku nieda l-Ġublew tat-Tama, il-Vatikan qed jipproponi erba’ films sabiex wieħed jarahom matul is-sena.
Id-Dekasteru tal-Evanġelizzazzjoni fil-Kurja Rumana mmexxi direttament mill-Papa Franġisku bħala Prefett tal-imsemmi dekasteru, jieħu ħsieb jippromwovi x-xandir tal-Evanġelju kif ukoll jagħraf iwieġeb il-mistoqsijiet fundamentali tal-evanġelizzazzjoni fid-dinja.
L-espert tal-Knisja fil-qasam ċinematografiku Mons. Dario Viganò għażel erba’ films li jistgħu jakkumpanjaw lill-pellegrini tat-tama matul is-sena tal-Ġublew.
Il-films magħżula huma:
- Fallen Leaves
- La Chimera
- Perfect Days
- Silence
Il-film “Fallen Leaves” tad-direttur Finlandiż Aki Kaurismaki, maħruġ fl-2023, jirrakkonta l-istorja ta’ Ansa (Alma Poysti) u Holappa (Jussi Vatanen) – żewġ persuni li jħossuhom waħedhom – li b’xi mod isibu lil xulxin. Minkejja l-isfumaturi serji, il-film għandu laqtiet umoristiċi, liema umoriżmu jaf jissorprendi s-segwaċi hekk kif il-film juri bosta mumenti dipressanti ta’ persuni u li fuq fommhom ma tinbitx tbissima, hekk kif semgħu l-aħbar tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna. Madanakollu, matul il-film wieħed josserva diversi żvolti li jqanqlu tama f’min jarah.
“La Chimera” tad-direttriċi Taljana Alice Rohrwacher maħruġ ukoll fl-2023 li jitratta dwar diffikultà li l-protagonist Arthur, interpretat mill-attur ta’ fama internazzjonali Josh O’Connor, isib huwa u jipprova jilħaq l-għan li kellu. Arthur sab ruħu meħlus mill-ħabs u jinsab fuq il-ferrovija biex jirritorna lejn id-dar f’raħal ġewwa t-Toskana. Il-film ambjentat fit-tmeninijiet juru lil Arthur joħlom b’wiċċ Beniamina hija u tħit b’ħajt aħmar il-libsa li kellha. In-nisa li kien hemm fil-karreġġjata tal-ferrovija bdew jippruvaw jinvolvuh fil-konverżazzjoni. Bejjiegħ saħansitra pprova jbigħlu kalzetti nodfa u fwieħa minħabba l-istat li kien fih. Madanakollu, Arthur imbuttah vjolentament u beżża’ lill-oħrajn bl-imġieba tiegħu. Dan sakemm imur iżur lil Flora li baqgħet tittama li jiġi lura li saħansitra tħeġġu jfittex lil Beniamina u tinsist miegħu: “Fittixha. Titlifx it-tama.”
Il-film ta’ Wim Wenders “Perfect Days” li fih naraw lil Hirayama fir-rutina ordinarja tiegħu inkluż ix-xogħol tiegħu bħala fattiga tal-lettrini pubbliċi f’Tokyo, liema disa’ lettrini ġew ddisinjati artistikament għall-Olimpjadi tas-Sajf tal-2020. Dan il-film jinkludi diversi vjaġġi meditattivi tal-protagonista li jitbissem imma ma jitkellimx wisq. Huwa konxju minn dak li jiġri madwaru u grat. Għaldaqstant, it-tama hawnhekk tinsab fir-rikonoxximent tas-sbuħija fl-ordinarju li hemm madwarna.
Ir-raba’ film li l-Vatikan qed jissuġġerixxi huwa “Silence” tad-direttur famuż Martin Scorsese, li skont il-kritiku tal-films Dun Greg Apparcel, dan il-film jittrażmetti xi ħaġa ġdida kull darba li tarah. Ibbażat fuq ir-rumanz ta’ Shusaku Endo tal-1966, il-film jiffoka fuq it-tbatija ta’ żewġ qassisin Ġiżwiti Portugiżi fil-Ġappun tas-seklu 17 fi żmien li l-Kristjaneżmu ma kienx permess li jiġi pprattikat, u li għaldaqstant kien reat punibbli b’mewt. Saerdot saħansitra ra qassisin oħrajn jiġu ttorturati u maqtula talli rrifjutaw milli jirfsu fuq l-ikona bil-wiċċ ta’ Ġesù, liema ġrajja kienet waħda li qanqlet tama fost l-insara.
Sors: Newsbook Malta