L-Isqfijiet ngħataw sena sabiex idaħħlu linji gwida ta’ kif jitrattaw każi ta’ abbużi sesswali ta’ minuri minn membri tal-kleru u reliġjużi. Dan irriżulta minn tliet dokumenti tal-Vatikan ippubblikati t-Tnejn. Din it-talba saret f’Ittra ċirkolari, b’introduzzjoni u spjega fil-qosor, ippubblikata mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.
L-Ittra tipprovdi sett ta’ prinċipji li jgħinu lill-Konferenzi Episkopali jistabbilixxu linji gwida, li jassiguraw li l-Knisja Universali tkun qed twieġeb għall-każi konsistenti ta’ abbużi f’diversi pajjiżi.
Għadd ta’ Konferenzi Episkopali diġa għandhom il-linji gwida tagħhom; bl-Ittra ċirkolari tgħid li l-proviżjonijiet u n-normi stabbiliti minn Konferenza Episkopali “għandhom jinftiehmu li jikkumplimentaw il-liġi universali u mhux jeħdulha postha”.
Il-prinċipji jagħtu priorita lill-vittmi u anki l-aspett ta’ prevenzjoni, kif ukoll koperazzjoni mal-awtoritajiet ċivili. F’dan ir-rigward hu stabbilit b’mod ċar li, b’rispett lejn is-sistema ġuddizzjarja tal-pajjiż partikolari, tali każi ta’ abbużi jkunu rrappurtati u mressqa quddiem l-awtoritajiet kompetenti b’kollaborazzjoni sħiħa bejn il-partijiet involuti, sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa. Dan japplika mhux biss f’każi ta’ abbużi mwettqa minn membri tal-kleru, imma anki każi li jinvolvu reliġjużi u lajċi li jaħdmu fl-istrutturi tal-Knisja.
L-Ittra tipprovdi wkoll taqsira tal-leġislazzjoni kanonika dwar l-abbuż sesswali tal-minuri, inkluż ir-rekwiżit li każi ta’ kjeriċi jitressqu quddiem il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, b’attenzjoni għall-prattika ta’ tneħħija mis-saċerdozju ta’ min jabbuża. Id-dokument jikkjarifika li kull saċerdot akkużat għandu jitqies innoċenti sakemm pruvat ħati. Jissemma wkoll l-irwol tal-Isqof li għandu l-awtorita jirrestrinġi ħidmet is-saċerdot li jkun akkużat, bil-għan li ma ssirx ħsara iktar milli possibilment tkun saret bl-allegati abbużi.