L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-messaġġ li bih jibda l-Evanġelju tal-lum il-Mulej Ġesù, huwa messaġġ attwali ħafna u neċessarju: “Tħallux qalbkom titħawwad” (Ġw 14:1).

Huwa messaġġ li jrid jagħmlilna kuraġġ. Ġesù qal dan il-kliem f’Ħamis ix-Xirka filgħaxija qabel ma beda l-passjoni tiegħu, qabel ma għadda mit-turufnament tal-għaraq tad-demm fl-Ort tal-Ġetsemani. Qalbu wkoll kienet tħawdet huwa u jirrifletti u jgħix it-tradiment ta’ Ġuda u ċ-ċaħda ta’ Pietru imma lilna jkompli jagħmlilna kuraġġ: “Tħallux qalbkom titħawwad”.

Ir-risposta imma hija li nemmnu f’Alla u nemmnu fih. Il-fidi mhix xi ħaġa ta’ tagħlim li jiena nitgħallem bl-amment jew ideat li jkolli f’moħħi. Hija risposta ta’ mħabba. Meta hu jinsisti fir-risposta lil Tumas li huwa “it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14:6), qed jgħallimna li fir-reliġjon tagħna t-triq hija persuna: Ġesù. Il-verità hija persuna: Alla magħmul bniedem. Ġesù, il-ħajja hija persuna.

Aħna u niftakru llum fl-ommijiet tagħna, kemm dawk li għandna l-grazzja li għadhom magħna jew dawk li ħallewna u li qegħdin magħna fix-xirka tal-qaddisin, nifhmu kemm anke għalina l-ommijiet it-triq, il-verità, il-ħajja kienet il-persuna tal-omm meta aħna niftakru fl-għożża li rċevejna mingħandhom, fid-don tal-ħajja li rċevejna permezz tagħhom, dak kollu li għallmuna u ìżjed ma tikber iżjed tiġi fi kliem ommok. Ġejt fi kliemha, kellha raġun. Meta kelma tismagħha forsi ddarrsek imbagħad tirrealizza maż-żmien kemm kellha raġun. Il-verità li tgħallmek ommok hija verità personali u hija frott l-imħabba. Ommok turik it-triq billi tħobbok.

U Ġesù jgħidilna li huwa t-triq għax huwa Alla mħabba li sar bniedem għalina. U meta Filippu jgħidlu: “Urina l-Missier u jkun biżżejjed għalina” (Ġw 14:8), Ġesù jirrispondih “Ili tant magħkom u għadek m’għaraftnix? […] Il-kliem li ngħidilkom jien ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu […] u l-opri tal-Missier huma dejjem opri ta’ mħabba” (Ġw 14:9.10.11).

Il-fidi mhix xi ħaġa ta’ tagħlim li jiena nitgħallem bl-amment jew ideat li jkolli f’moħħi. Hija risposta ta’ mħabba.

Mhux dejjem nifhmuhom. Forsi l-kelma li jgħidilna l-Mulej iddarrasna imma jiġi l-mument u nawgura li qegħdin f’wieħed minn dawn il-mumenti individwalment, bħala soċjetà, bħala umanità fejn aħna nagħżlu d-deheb mill-ħuxlief, fejn aħna nirrealizzaw x’inhu ta’ veru ġid għalina, x’inhuma l-valuri li l-ebda pandemija ma tista’ tneħħilna jew tisraqilna. L-affarajiet li forsi rbatna qalbna magħhom għosfru, ma qdewniex, ittradewna. L-imħabba tibqa’.

U llum f’Jum l-Omm nixtiequ nirringrazzjaw lill-Mulej talli ma bagħatilniex filosofija biex issalvana imma lil Ibnu, li t-triq u l-verità u l-ħajja li jixtieq joffrilna – għax dan mhux bilfors – huma persuna.

Fl-aħħar restawr li sar f’din ix-xbieha antikissima li ilha magħna għal sekli sħaħ, dawk li rrestawraw b’tant għaqal din ix-xbieha u tawna l-possibilità f’dan is-seklu li nerġgħu nqimu x-xbieha oriġinali ta’ dik li aħna nafu bħala l-Madonna tal-Mellieħa, qalulna li l-Madonna li aħna nqimu f’dan l-għar u f’dan is-santwarju nazzjonali hija dik li fit-tradizzjoni Griega jsejħulha l-odigitria. Xi tfisser? Odos bil-Grieg huwa t-triq. Infatti fl-oriġinal tal-Evanġelju tal-lum, Ġesù jippreżenta lilu nnifsu bħala odos it-triq u l-odigitria hija dik l-omm li turi lil binha bħala t-triq.

Ommok turik it-triq billi tħobbok.

Hawnhekk f’dan is-santwarju l-Madonna turina min hu t-triq u tgħidilna: ‘ibni huwa t-triq’. Mhijiex idea, mhux sett ta’ regoli jew kmandamenti, imma persuna, ir-ragħaj it-tajjeb li ta ħajtu, il-bieb tan-nagħaġ, dak li lil Tumas jgħidlu: “Jiena huwa t-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14:6).

L-aħħar kelma tiegħi llum huwa tislima speċjali lil ommijiet tagħna f’dan is-santwarju antik u għażiż li fih aħna nqimu lil dik li hija Omm Alla. Fil-fatt il-kliem li hemm impinġi mal-ġenb tax-xbieha oriġinali huwa Mater Dei – Omm Alla. It-tislima tiegħi hija lil omijiet kollha. Aħna llum u d-dover tagħna huwa li nirringrazzjawhom ta’ dak kollu li tawna b’mod speċjali d-don tal-ħajja. U nibżgħu għalihom billi llum niċċaħħdu ftit mill-preżenza tagħna magħhom. Għal dawk li huma żgħażagħ, li għad għandhom il-grazzja li jgawdu lil ommijiethom, illum ngħidilhom: ‘ieqfu ftit, m’hemmx għalfejn tgħidilha li qed taħseb f’dak li tgħidlek imma aħseb f’dak li tgħidlek’. Għaliha dak ikun l-isbaħ rigal. Il-cards, il-fjuri u affarijiet oħrajn li nistgħu nagħtu lil ommijietna ma jħallsu qatt l-imħabba li rċevejna mingħandhom. Imma l-ikbar grazzja għall-omm hija li wliedha jisimgħu kelma tagħha.

Minn hawnhekk il-Madonna tipponta lejn Binha u tgħidilna: ‘dan huwa t-triq, il-verità u l-ħajja’. Nisimgħu lilha.

✠ Charles Jude Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 6, 1-7
Salm: 32 (33), 1-2.4-5.18-19
Qari II: 1 Piet 2, 4-9
Evanġelju: Ġw 14, 1-12

Aktar ritratti: ritratti.knisja.mt/