It-tieni laqgħa ta’ Ilkoll Aħwa se ssir nhar il-Ġimgħa, 11 ta’ Marzu u għandha t-tema ‘Iż-żgħażagħ: tama għall-futur’ u se titmexxa minn Anthony Mifsud.

‘Alla hu żagħżugħ!’ Din il-frażi mill-Papa Franġisku turi l-viżjoni tiegħu. L-attributi żagħżugħa taż-żgħażagħ f’Alla, u bħala rigal minn Alla. Din is-sejħa għat-tama hi attribut li l-adulti m’għandhomx jitilfu hekk kif jgħaddu għal stadji oħra fil-ħajja.

Il-Papa nnifsu jpoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni li jisma’ x’għandhom xi jgħidu ż-żgħażagħ, u x’qed jgħid Alla fl-esperjenza tagħhom. X’inhuma l-kif, l-għala u x-x’inhu taż-żgħożija u t-tama? X’inhuma l-ostakli biex tittama fil-ħajja, fis-soċjetà u fil-Knisja tagħna, inkunu f’liema stadju nkunu? “Iż-żgħożija vera tfisser li jkollna qalb kapaċi tħobb, filwaqt li dak kollu li jifridna minn ħaddieħor ixejjaħ lir-ruħ.” (Christus Vivit, 13). Żgħożija vera u tama vera huma l-persuna ta’ Ġesù Kristu li aħna msejħin inħaddnu fit-talb u fil-kultura tal-laqgħa.

Din il-laqgħa se ssir fil-Parroċċa ta’ Stella Maris, Tas-Sliema fis-7pm kif ukoll tixxandar fuq Knisja.mt u l-paġna fuq Facebook tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Iktar informazzjoni tinkiseb minn [email protected].

Agħfas hawn għal iktar tagħrif dwar il-laqgħat l-oħra.


Dwar Anthony Mifsud

Anthony Mifsud hu miżżewweġ b’żewġt itfal. Attwalment hu Chaplain lajk fl-iskola primarja tal-Kulleġġ San Alwiġi u hu l-Koordinatur tal-Moviment taż-Żgħażagħ. Matul is-snin ħadem ma’ gruppi ta’ żgħażagħ differenti kif ukoll proġetti u inizjattivi varji fuq livell nazzjonali, djoċesan u internazzjonali. Bil-konvinzjoni li jekk “tisma’ liż-żgħażagħ, il-Knisja terġa’ tisma’ lill-Mulej jitkellem fid-dinja tal-lum” (il-Papa Franġisku), Mifsud għandu għal qalbu r-riċerka fost iż-żgħażagħ ġejjin mill-oqsma kollha.

Fl-istudji tal-Youth Ministry ħadem fuq l-ispiritwalità u n-netwerking soċjali; esperjenzi ta’ konverżjoni, żgħażagħ u politika, kif ukoll studju kontinwu dwar mexxejja żgħażagħ fuq livell Ewropew.