Tnediet online search engine ġdida tal-Bibbja Kattolika li tippermetti lill-individwu jfittex u jsib testi u passaġġi Skritturali. Il-programm kien uffiċjalment imniedi fil-pubbliku fl-aħħar jiem minn http://catholic.net/
L-istqarrija għall-istampa qalet li din hi l-ewwel Bibbja Kattolika kompleta li tista’ tintuża għal tiftix b’sempliċiment kelma jew aħjar b’’keyword search’. Żiedet li offruti f’dan il-programm huma verżjonijiet tal-Bibbja f’żewġ traduzzjonijiet approvati mill-Vatikan – bl-Ingliż u bl-Ispanjol. Is-search engine tippermetti wkoll li min ifittex u jsib testi jew passaġġi Bibbliċi jkun jista’ jgħaddihom fuq blogs u anki fuq networks soċjali oħra fuq l-internet bħall-Facebook u Twitter.
Il-proġett sar b’fondi parzjali mill-Konferenza Episkopali Amerikana u bl-għajnuna tal-voluntiera mill-programm ta’ għajnuna soċjali Catholic.net fil-Messiku. Rosalia Tenorio, direttriċi ta’ Catholic.net, esprimiet it-tama li “din l-għodda tgħin lill-fidili fl-istudji bibbliċi tagħhom u tiffaċilitalhom l-proċess ta’ sharing Skritturali”.