Għeżież ħuti!

Il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet jistedinna, ta’ kull sena, inqisu d-don prezzjuż tas-sejħa li l-Mulej jagħmel lil kull wieħed u waħda minna, il-poplu fidil tiegħu li jinsab miexi, biex nistgħu nieħdu sehem fil-pjan tiegħu ta’ mħabba u ninkarnaw fina l-ġmiel tal-Vanġelu fid-diversi stati tal-ħajja. Li nisimgħu s-sejħa divina mhux xi dmir impost minn barra, forsi f’isem ideal reliġjuż; imma huwa l-mod l-iżjed żgur li għandna biex inseddqu fina x-xwwqa għall-ferħ li nġorru ġo fina: il-ħajja tagħna titwettaq u tilħaq il-milja tagħha meta niskopru min aħna, liema huwa l-kwalitajiet tagħna, f’liema qasam jistgħu jagħmlu l-frott, liema triq nistgħu nimxu biex insiru sinjal u strument ta’ mħabba, ta’ akkoljenza, ta’ ġmiel u ta’ paċi, fil-kuntesti li fihom ngħixu.

Hekk, dan il-Jum hu dejjem okkażjoni sabiħa biex niftakru bi gratitudni quddiem il-Mulej fl-impenn fidil, ta’ kuljum u spiss moħbi ta’ dawk li ħaddnu sejħa li tmiss il-ħajja kollha tagħhom. Qed naħseb fl-ommijiet u l-missirijiet li ma jħarsux qabelxejn lejhom infushom u ma jimxux wara l-kurrent ta’ stil superfiċjali, imma ħajjithom jagħtuha impostazzjoni skont l-għożża tar-relazzjonijiet, bi mħabba u gratwità, waqt li jinfetħu għad-don tal-ħajja u jpoġġu lilhom infushom għas-servizz tal-ulied u tal-maturazzjoni tagħhom. Qed naħseb f’dawk li jiżvolġu b’dedikazzjoni u spirtu ta’ kollaborazzjoni x-xogħol tagħhom; f’dawk li jħabirku, f’diversi oqsma u b’diversi modi, biex jibnu dinja iżjed ġusta, ekonomija iżjed solidali, politika iżjed ekwa, soċjetà iżjed umana: f’dawk il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba li jaħdmu għall-ġid komuni. Qed naħseb fil-persuni kkonsagrati, li joffru ħajjithom lill-Mulej fis-skiet tat-talb kif ukoll fl-azzjoni appostolika, xi drabi fuq il-fruntiera u billi jagħtu l-enerġija kollha tagħhom, waqt li jmexxu ’l quddiem bi kreattività l-kariżma tagħhom u jpoġġuha għad-dispożizzjoni ta’ dawk li magħhom jiltaqgħu. U qed naħseb f’dawk li laqgħu s-sejħa għas-saċerdozju ordnat u jiddedikaw ruħhom għax-xandir tal-Vanġelu u flimkien mal-Ħobż Ewkaristiku jaqsmu ħajjithom stess, għal ħuthom, waqt li jiżirgħu t-tama u juru lil kulħadd il-ġmiel tas-Saltna ta’ Alla.

Liż-żgħażagħ, speċjalment lil dawk li jħossuhom imbiegħda u għandhom ċertu suspett fil-Knisja, irrid ngħidilhom: ħallu lil Ġesù jsaħħarkom, agħmlulu l-mistoqsijiet importanti tagħkom, permezz tal-paġni tal-Vanġelu, ħallu tqanqalkom il-preżenza tiegħu li dejjem tpoġġina fi kriżi għall-ġid tagħna. Hu iktar minn kulħadd jirrispetta l-libertà tagħna, ma jimponix ruħu imma jipproponilna: agħmlulu l-wisa’ u ssibu l-ferħ tagħkom f’li timxu warajh u, jekk jitlobkom, f’li tingħataw kollkom għalih.

Poplu f’mixja

Il-polifonija tal-kariżmi u tal-vokazzjonijiet, li l-komunità Nisranija tagħraf u ssieħeb, tgħinna nifhmu b’mod sħiħ l-identità tagħna ta’ Nsara: bħala poplu ta’ Alla miexi fit-toroq tad-dinja, imqanqlin mill-Ispirtu s-Santu u mdaħħlin bħala ġebel ħaj fil-Ġisem ta’ Kristu, kull wieħed u waħda minna jiskopri li hu membru ta’ familja kbira, iben il-Missier u ħu dawk li huma bħalu. Ma aħniex gżejjer magħluqa fina nfusna, imma aħna parti mill-kollox. Għalhekk, il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet iġorr fih it-timbru tas-sinodalità: ħafna huma l-kariżmi u aħna msejħin nisimgħu lil xulxin u nimxu flimkien biex niskopruhom u biex ngħarblu għal xiex l-Ispirtu qed isejħilna għall-ġid ta’ kulħadd.

F’dan il-mument storiku, imbagħad, il-mixja komuni twassalna għas-Sena Ġubilari tal-2025. Nimxu bħala pellegrini tat-tama lejn is-Sena Mqaddsa, biex fl-iskoperta mill-ġdid tal-vokazzjoni tagħna, u aħna u nlaqqgħu ma’ xulxin id-diversi doni tal-Ispirtu, nistgħu nkunu fid-dinja dawk li jġorru u jagħtu xhieda tal-ħolma ta’ Ġesù: li nsawru familja waħda, magħquda fl-imħabba ta’ Alla u fir-rabta tal-imħabba, tal-qsim ma’ xulxin u tal-fraternità.

Dan il-Jum hu ddedikat, b’mod partikulari, biex lill-Missier nitolbuh id-don ta’ vokazzjonijiet qaddisa għall-bini tas-Saltna tiegħu: “Itolbu mela lil Sid il-ħsad, biex jibgħat aktar ħaddiema fil-ħsad tiegħu!” (Lq 10:2). U t-talb – nafuh dan – hu aktar magħmul minn smigħ milli minn kelmiet imlissna lil Alla. Il-Mulej ikellem lil qalbna u jrid isibha miftuħa, sinċiera u ġeneruża. Il-Kelma tiegħu saret laħam f’Ġesù Kristu, li jurina u jwasslilna r-rieda kollha tal-Missier. F’din is-sena 2024, iddedikata proprju lit-talb fi tħejjija għall-Ġublew, aħna msejħin niskopru mill-ġdid id-don bla tarf tad-djalogu mal-Mulej, qalb ma’ qalb, u hekk insiru pellegrini ta’ tama, għax “it-talb hu l-ewwel qawwa tat-tama. Int titlob u t-tama tikber, tisseddaq. Jiena ngħid li t-talb jiftaħ il-bieb għat-tama. It-tama hemm tkun, imma bit-talb tiegħi niftħilha l-bieb” (Katekeżi, 20 ta’ Mejju 2020).

Pellegrini tat-tama u bennejja tal-paċi

Imma xi jfisser li nkunu pellegrini? Min jibda pellegrinaġġ ifittex qabelxejn li jkollu ċara ­­d-destinazzjoni, u jġorrha dejjem f’qalbu u f’moħħu. Imma fl-istess waqt, biex nilħqu dak it-tragward, hemm bżonn nikkonċentraw fuq il-pass ta’ issa, li biex naffrontawh irridu nkunu ħfief, ninżgħu piżjiet bla siwi, inġorru magħna l-essenzjal u nitqabdu ta’ kuljum biex l-għeja, il-biża’, l-inċertezza u d-dalma ma jimblukkawx il-mixja li qbadna. Hekk, li nkunu pellegrini jfisser nerġgħu nibdew mill-ġdid ta’ kuljum, nibdew dejjem mill-ġdid, nerġgħu nsibu l-ħeġġa u l-qawwa biex nimxu d-diversi tappi tat-triq li, minkejja t-taħbit u d-diffikultajiet, dejjem jiftħu quddiemna ixfqa ġodda u panorami li ma konniex rajna qabel.

Is-sens tal-pellegrinaġġ Nisrani hu sewwasew dan: aħna ninsabu f’mixja lejn l-iskoperta tal-imħabba ta’ Alla u, fl-istess waqt, lejn l-iskoperta tagħna nfusna, permezz ta’ vjaġġ interjuri imma dejjem imqanqal mill-kotra tar-relazzjonijiet. Mela, pellegrini għax imsejħin: imsejħin biex inħobbu lil Alla u nħobbu lil xulxin. Hekk, il-mixja tagħna fuq din l-art ma tispiċċa qatt ħafna taħbit bla skop jew ġiri fil-vojt; bil-maqlub, ta’ kuljum, aħna u nwieġbu għas-sejħa tagħna, infittxu li nagħmlu l-passi possibbli lejn dinja ġdida, fejn ngħixu fil-paċi, fil-ġustizzja u fl-imħabba. Aħna pellegrini tat-tama għax mexjin lejn futur aħjar u qed inħabirku biex nibnuh aħna u mexjin.

Fl-aħħar mill-aħħar, dan hu l-għan ta’ kull vokazzjoni: li nsiru bnedmin ta’ tama. Bħala individwi u bħala komunità, fil-firxa wiesgħa tal-kariżmi u tal-ministeri, aħna lkoll imsejħin “nagħtu ġisem u qalb” lit-tama tal-Vanġelu f’dinja mmarkata minn sfidi epokali: it-theddida bl-avvanz ta’ tielet gwerra dinjija miġġielda f’biċċiet; il-folol ta’ migranti jaħarbu minn arthom ifittxu futur aħjar; iż-żieda kostanti tal-foqra; il-periklu li nikkompromettu b’mod irriversibbli s-saħħa tal-pjaneta tagħna. U ma’ dan kollu jiżdiedu d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom ta’ kuljum u li, xi drabi, qed nirriskjaw li jixħtuna fir-rassenjazzjoni u fit-taqtigħ il-qalb.

F’dan iż-żmien tagħna, allura, hu deċiżiv għalina l-Insara nikkultivaw ħarsa mimlija tama, biex nistgħu naħdmu bi frott, inwieġbu għall-vokazzjoni li ġiet fdata lilna, għall-qadi tas-Saltna ta’ Alla, Saltna ta’ mħabba, ta’ ġustizzja u ta’ paċi. Din it-tama – jiżgurana San Pawl – “ma tqarraqx” (Rum 5:5), għax din hi l-wegħda li l-Mulej Ġesù għamlilna li ħa jibqa’ dejjem magħna u jdaħħalna fl-opra tal-fidwa li hu jrid iwettaq fil-qalb ta’ kull persuna u fil-“qalb” tal-ħolqien. Din it-tama ssib iċ-ċentru li jagħtiha l-ħajja fil-Qawmien ta’ Kristu, li “fih hemm qawwa ta’ ħajja li daħlet u xterdet mad-dinja. Fejn donnu kollox mejjet, jerġgħu jispuntaw minn kullimkien ir-rimjiet tal-qawmien. Hi qawwa li m’hemmx bħalha. Hu minnu li spiss jidher qisu Alla ma jeżistix: naraw madwarna inġustizzji, ħażen, indifferenzi u kefrija li ma jonqsux. Imma dasqhekk ieħor hu ċert li qalb din id-dalma dejjem tibda tixtered xi ħaġa ġdida, li llum jew għada se tagħmel il-frott” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 276). Mill-ġdid l-Appostlu Pawlu jistqarr li “aħna salvi bit-tama” (Rum 8:24). Il-fidwa mwettqa fl-Għid timla bit-tama, tama żgura, affidabbli, li biha nistgħu naffrontaw l-isfidi tal-lum.

Allura, li nkunu pellegrini tat-tama u bennejja tal-paċi jfisser li nsejsu ħajjitna fuq il-blata tal-qawmien ta’ Kristu, għax nafu li kull ħidma tagħna, fil-vokazzjoni li ħaddanna u li nġorru ’l quddiem, ma tispiċċax fix-xejn. Minkejja l-fallimenti u d-disfatti, il-ġid li niżirgħu jikber fis-skiet u xejn ma jista’ jifridna mid-destinazzjoni aħħarija: il-laqgħa ma’ Kristu u l-ferħ li ngħixu fil-fraternità bejnietna għal dejjem. Din is-sejħa finali rridu nantiċipawha ta’ kuljum: ir-relazzjoni ta’ mħabba ma’ Alla u ma’ ħutna tibda minn hawn twettaq il-ħolma ta’ Alla, il-ħolma tal-għaqda, tal-paċi u tal-fraternità. Ħadd ma għandu jħossu barra minn din is-sejħa! Kull wieħed u waħda minna, fiċ-ċokon tiegħu, fl-istat tal-ħajja tiegħu jista’ jkun, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, żerriegħ tat-tama u tal-paċi.

Il-kuraġġ li nirriskjaw

Għal dan kollu ngħid, mill-ġdid, kif għidt fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Lisbona: “Rise up! – Qumu!”. Ejjew inqumu mir-raqda, noħorġu mill-indifferenza, niftħu l-kanċelli tal-ħabs li warajhom xi drabi nqfilna, biex kull wieħed u waħda minna jista’ jiskopri l-vokazzjoni tiegħu fil-Knisja u fid-dinja u jsir pellegrin tat-tama u bennej tal-paċi! Ejjew nappassjonaw ruħna għall-ħajja u nħabirku fl-għożża kollha mħabba ta’ dawk li jinsabu qribna u fl-ambjent fejn ngħixu. Intennilkom: ħa jkollkom il-kuraġġ li tirriskjaw! Don Oreste Benzi, appostlu bla heda tal-karità, dejjem fuq in-naħa ta’ dawk li huma fl-aħħar post u ma għandhomx min jiddefendihom, kien itenni li ħadd ma hu daqshekk fqir li ma ma għandux x’jagħti, u ħadd ma hu daqshekk sinjur li ma għandux bżonn jirċievi xi ħaġa.

Għalhekk, ejjew inqumu u nibdew mexjin bħala pellegrini tat-tama, biex, kif għamlet Marija ma’ Santa Eliżabetta, aħna wkoll nistgħu nwasslu aħbarijiet ta’ ferħ, innisslu ħajja ġdida u nkunu bennejja ta’ fraternità u ta’ paċi.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard