-
Tħabbret il-mewt tal-eks Nunzju Appostoliku għal Malta, l-E.T. Mons. Mario Roberto Cassari, Arċisqof Titulari ta’ Tronto, fl-età ta’ 73 sena. Mons. Cassari nħatar Nunzju Appostoliku għal Malta fit-22 ta’ Mejju 2015. Il-ħidma diplomatiku tiegħu f’Malta ntemmet uffiċjalment fis-27 ta’ April ta’ din is-sena, meta tħabbret il-ħatra tal-E.T. Mons. Alessandro D’Errico bħala Nunzju Appostoliku ġdid. L-Arċisqof Charles J. Scicluna, li kien ingħata l-pallium minn Mons. Cassari fil-11 ta’ Lulju 2015, sellem il-memorja tal-eks Nunzju Appostoliku permezz ta’ messaġġ fuq Twitter.
Our prayers for our former Apostolic Nuncio, His Excellency Mons Mario Cassari, who went to meet the Risen Lord. Requiescat in pace. pic.twitter.com/yE0L0Kehzm
— Bishop CJ Scicluna (@BishopScicluna) August 19, 2017
Mons. Mario Roberto Cassari twieled f’Ghirlarza (Oristano) f’ Sardinja, l-Italja, fis-27 ta’ Awwissu 1943. Ġie ordnat saċerdot fis-27 ta’ Diċembru 1969 u ħadem fid-Djoċesi Ampurias e Tempio.Bejn l-1969-1974 kien Vigarju tal-Katidral ta’ Tempio Pausania (Sardinja), għalliem fi skola sekondarja; Segretarju tal-Isqof, studja Pedagoġija fl-Università ta’ Sassari, l-Italja. Wara xi snin ta’ ħidma pastorali, studja fl-Akkademja Pontifiċja Ekkleżjastika f’Ruma u ngħaqad mas-servizz diplomatiku tas-Santa Sede fil-5 ta’ Marzu tal-1977. Serva fin-Nunzjatura tal-Pakistan, tal-Kolumbja, tal-Ekwador, tas-Sudan, tal-Afrika t’Isfel, tal-Ġappun, tal-Awstrija, tal-Litwanja, tal-Jugożlavja u Bosnja-Ħerzegovina.
Fit-3 ta’ Awwissu 1999 huwa nħatar Arċisqof Titulari ta’ Tronto u Nunzju Appostoliku tal-Kongo u Gabon. Fis-16 ta’ Ottubru 1999 kien ordnat Isqof.
Fil-31 ta’ Lulju 2004 nħatar Nunzju tal-Kosta tal-Ivorju u Burkina Faso u fit-8 ta’ Settembru tal-2004 nħatar ukoll Nunzju ta’ Niġer.
Fl-14 ta’ Frar 2008 nħatar Nunzju ta’ Croatia. Fl-10 ta Marzu 2012 nħatar Nunzju tal-Afrika t’Isfel, Botswana, Lesotho, Nambja u Sważiland. Fit-22 ta’ Mejju 2015 inħatar Nunzju għal Malta.