• L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali ta’ Stella Maris, Tas-Sliema

    19 ta’ Awwissu 2017

    Fil-bidu ta’ din il-quddiesa rringrazzjajna lill-Mulej talli ried li Marija, l-Omm qaddisa ta’ Ibnu, tissejjah il-Kewkba tal-Baħar. Irringrazzjajnih talli għażilha biex tkun l-għajnuna tagħna f’dan il-mewġ tal-ħajja li fih nitħabtu.

    It-talba stess turina li t-tema tal-baħar u l-kewkba fis-sema huma sinjali li għandhom tifsira mhux biss profonda imma anke attwali. Fil-mentalità tal-poplu li lilu nkitbu l-Kotba Mqaddsa – il-poplu t’Alla, il-poplu Lhudi – il-baħar kien element ta’ periklu u ta’ kaos. Tant hu hekk li d-dixxipli, meta raw lil Ġesù jimxi fuq il-baħar, l-ewwel beżgħu, ħasbuh xi fantażma, u meta rrealizzaw li kien Hu, bil-qawwa tiegħu, mall-ewwel qalu: “Inti l-Iben ta’ Alla” (Mt 22, 33). Għall-poplu Lhudi, il-qawwa li tissupera l-baħar kellha bilfors tkun qawwa divina.

    Għall-poplu Lhudi, il-qawwa li tissupera l-baħar kellha bilfors tkun qawwa divina.

    L-Ewwel Qari mill-Ktieb tal-Għerf jitkellem fuq l-esperjenza tal-baħħara tal-Mediterran u fuq il-perikli tal-baħar. Imma jitkellem ukoll fuq il-fiduċja tal-bnedmin fil-protezzjoni tal-Mulej: “Imbierka l-għuda li biha jsir il-ġid” (Għerf 14, 7). Dan il-qari aħna naqrawh ukoll fl-10 ta’ Frar, li huwa fl-istess ħin narattiv li jfakkarna kemm il-baħar huwa ‘żaqqu ratba imma rasu iebsa’, kif ngħidu aħna l-Maltin, u kemm jista’ jkun ta’ periklu. Meta jkollna ċans niltaqgħu mal-barranin, aħna l-Maltin sikwit ngħidu li aħna niċċelebraw nawfraġju, għaliex in-narrativ tagħna wkoll għandu x’jaqsam mal-baħar. Il-fidi tagħna ġiet fuq din l-imbierka għuda li tfarrket fuq xtutna u nistgħu ngħidu, “imbierka l-għuda li biha jsir il-ġid”.  

    Sidtna Marija iżda hija l-element ‘il fuq, mhux l-element fil-baħar, imma hija l-kewkba. Fl-istatwa straordinarjament sabiħa tat-titular, il-kewkba qiegħda fuq is-sider qaddis tal-Madonna. U l-Madonna qiegħda tindika l-istilla li hemm fuq sidirha imma bl-id l-oħra tiftaħ il-mant tagħha ta’ protezzjoni. B’xi mod l-istatwa titulari tiġbor is-sinjifikat profond ta’ din il-festa u ta’ dan it-titlu. Imma qabel xejn, bħalma tagħmel ħafna drabi Marija, it-titlu ta’ Kewkba huwa verament it-titlu għal Binha. Fil-liturġija ta’ Sibt il-Għid, aħna u nagħmlu l-innu li jintroduċi l-velja wara li nkunu xegħelna l-blandun, nirringrazzjaw lil Alla tad-don ta’ din ix-xemgħa u ngħidu: “Din tibqa’ tixgħel matul dan il-lejl qaddis sakemm titla’ l-kewkba ta’ filgħodu, li hu Kristu l-Mulej”.    

    Hekk ukoll San Pietru, fit-Tieni Ittra tiegħu jitkellem dwar l-esperjenza tat-Tabor u jitkellem dwar il-fidi bħala dik il-kewkba li titla’ fil-qalb tan-Nisrani (ara 2 Pt 1, 19). Kull min hu midħla tal-ispiritwalità ta’ San Jean Baptiste de la Salle jaf li l-istilla hija l-kewkba tal-fidi, fides. U għalhekk il-kewkba l-ewwel nett hija riferiment għal Ġesù.

    Wieħed mill-esiġeżi l-kbar, Brown, fil-ktieb tiegħu ‘The Birth of the Messiah’, jitkellem dwar diversi fenomeni messjaniċi jew psewdo-messjaniċi li kienu dehru ftit qabel il-miġja tal-Iben t’Alla. Tant hu hekk li anke fil-polemika ma’ Ġesù jibdew jiftakru li ġie dak u ġabar ħafna nies miegħu, imma mbagħad qatilhom kollha Pilatu. Wieħed minnhom, minn dawn il-leaders, kien jismu Bar Kokhba, iben il-kewkba, iben l-istilla. U b’xi mod, bħalma ġara wkoll fil-każ ta’ isem ieħor li jiġi ppreżentat fil-polemika ma’ Ġesù, Bar-Abba, iben il-missier, dawn l-ismijiet tal-psewdo-leaders li jduru madwar Ġesù u kontemporanji miegħu, b’xi mod jindikawlna wkoll ir-realtà tal-isem u tal-identità tal-Mulej, huwa iben il-kewkba, huwa wkoll iben il-Misser, huwa Bar Kokhba u Bar-Abba.

    Marija, hi u tindika l-istilla fuq sidirha qed tfakkarna li l-ewwel kewkba huwa Binha.

    Marija, hi u tindika l-istilla fuq sidirha qed tfakkarna li l-ewwel kewkba huwa Binha. Imma hi wkoll, kif qrajna u kif tikkonferma l-liturġija ta’ din il-festa, hija msejħa l-Kewkba tal-Baħar, Stella Maris. Oriġinarjament, it-titlu Marija kien interpretat bħala Stilla Maris, qatra mill-baħar, u hemm teoriji li jgħidu li beda jiġi nterpretat anke fil-liturġija, bħalma rajna fl-Innu Stella Maris, Ave Stella Maris, minħabba żball ta’ kopista, li minn stilla kiteb stella. Imma aħna grati ukoll għal dawn l-iżbalji providenzjali fl-istorja tal-kopiżmu monastiku, li mbagħad kienu wkoll l-għerf tat-traduzzjonijiet u spiritwalitajiet kbar. Waħda minnhom hija din.

    Hija l-kewkba li fid-dlam ta’ din il-ħajja, fil-konfużjoni li ħafna drabi tiddevjana u tisseduċina, hi tibqa’ kewkba li turina t-triq, li tagħtina wens.

    Imma hija ħaġa denja li aħna li niftakru f’Marija li għarfet iċ-ċokon tagħha: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej…, għax hu ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1, 46-47). Niftakru li isimha fisser qatra minn dak l-oċean kbir, imbagħad l-iżball tagħna l-bnedmin ġustament isejħilha wkoll, u f’dan naraw il-providenza ta’ Alla, bħala Stella Maris, bħala l-kewkba tal-baħar; il-kewkba tal-baħar li tkun għalina bħala dawl fid-dlam u dejjem tmexxina lejn Binha. B’xi mod dan it-titlu, is-sinjal tal-kewkba u tal-baħar huwa mod ieħor sabiħ kif aħna nispjegaw l-aħħar parir tagħha skont l-Evanġelju ta’ San Ġwann: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2, 5). Hija l-kewkba li fid-dlam ta’ din il-ħajja, fil-konfużjoni li ħafna drabi tiddevjana u tisseduċina, hi tibqa’ kewkba li turina t-triq, li tagħtina wens.

    Kull min resaq lejn il-gżejjer tagħna fuq xi laqxa tal-baħar jew inkella fuq il-katamaran jew fuq xi vapur u jilmah l-ewwel dwal tal-gżejjer Maltin jaf is-sensazzjoni straordinarja li fid-dlam tal-lejl inti tara d-dawl. Hekk ukoll jekk aħna nitilqu lejn ix-xefaq u nħarsu lejn is-sema u fid-dlamijiet tal-ispirtu nħarsu lejn Marija bħala dik il-kewkba li turina li qiegħda hemm għall-wens u d-direzzjoni tagħna, nifhmu li Marija qiegħda hemm biex tkompli tgħassisna, tinterċedi għalina u tagħtina dak il-kuraġġ neċessarju biex kif tgħid it-talba tal-Knisja llum, neħilsu minn kull għawġ u naslu bis-sliem fil-port tal-hena ta’ dejjem.

    Mela din il-kewkba mhijiex biss direzzjoni għad-deċiżjonijiet ta’ kuljum fil-ħajja, imma wkoll hija kewkba li se twassalna lejn id-destinazzjoni aħħarija tagħna.

    Mela din il-kewkba mhijiex biss direzzjoni għad-deċiżjonijiet ta’ kuljum fil-ħajja, imma wkoll hija kewkba li se twassalna lejn id-destinazzjoni aħħarija tagħna. U San Pawl jgħidilna: “Aħna pajżana tas-sema pajjiżna” (Fil 3, 20). Destination heaven! Destination heaven!  U Stella Maris, din il-kewkba tas-sema, din il-kewkba ukoll li tagħtina indikazzjoni u triq qalb il-mewġ tal-baħar ta’ din id-dinja, tindikalna d-destin tagħna. Destination heaven! U dak huwa l-port, il-Marsa, il-port tas-salvazzjoni, il-port li minnu aħna nieħdu l-veru sliem.

    Wara kollox, l-ewwel kappella fuq il-ponta ta’ Tigné kienet iddedikata lill-Verġni Marija del Buon Viaggio. Din il-lokalità tieħu l-isem tagħha mit-talba tas-‘Sliema’ li kienu jgħidu l-baħħara huma u jitilqu l-ponta ta’ Tigné. Illum fil-ponta ta’ Tigné hemm affarijiet oħra, imma għadu attwali l-isem oriġinarju tal-Beata Maria Vergine del Buon Viaggio. U aħna rridu nkomplu l-vjaġġ tagħna biex naslu fil-port, li huwa l-ġenna, billi mhux biss aħna nitilqu l-ponta ta’ Tigné ngħidu s-‘Sliema’, imma matulek ja pellegrinaġġ, din it-talba sabiħa twennisna u takkompanjana fil-vjaġġ tagħna. Wara kollox, hija talba li tirrakjudi dak kollu li l-Lhud jesprimu bil-kelma ‘shalom’, sliem għalik bil-grazzja mimlija, il-Mulej miegħek, imbierka int. Il-preżenza tal-Mulej, il-qawwa tal-Mulej, il-barka tal-Mulej, il-grazzja tal-Mulej, huwa kollu espress fil-kelma ‘shalom’, sliem, sliem għalik. U għalhekk l-Innu Ave Maris Stella huwa innu straordinarjament sabiħ li fl-ewwel tliet kelmiet jiġbor il-qofol tal-festa u t-titlu ta’ din il-parroċċa għażiża: Sliem għalik, Ave, shalom, kewkba tal-baħar.    

    Il-Baħar Mediterran huwa baħar ta’ periklu mhux biss fil-kultura tagħna imma fir-realtà attwali. Sar id-deżert il-blu, sar ċimiterju ta’ nies innoċenti li jafu jimxu fid-deżert imma ma jafux jgħumu għax minn fejn ġejjin mhemmx baħar u forsi lanqas xmajjar, u kif jaslu fuq ix-xtut tal-Mediterran jibdew deżert li huwa għalihom biss ta’ periklu. Aħna rridu wkoll nitolbu l-protezzjoni ta’ Marija Kewkba tal-Baħar għal dawn il-mijiet ta’ nies li qegħdin jistennew fuq ix-xatt tal-Afrika, ifittxu l-libertà, il-ħelsien mill-gwerra, futur ta’ tama.     

    Il-Baħar Mediterran huwa baħar ta’ periklu mhux biss fil-kultura tagħna imma fir-realtà attwali.

    U aħna se nitgħallmu xi ħaġa minn Marija? Hi kellha wkoll l-esperjenza li meta ħabtet fuq il-bieb tal-lukanda f’Betlehem ma sabitx min jilqagħha, ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda, imma wkoll għamlet l-esperjenza ta’ min minħabba l-periklu għat-tifel kellu jitlaq minn artu u jmur l-Eġittu. Jekk hemm mara li tifhem id-destin kiefer ta’ ħutna jistennew fix-xatt tal-Libja hija l-Madonna, jekk hemm titlu li huwa attwali għas-sitwazzjoni tagħna huwa dan.

    Aħna nieħdu pjaċir niċċelebraw, imma għandna bżonn ukoll l-umiltà u l-kuraġġ nistaqsu: Imma wara kollox dan xi jfisser għalina? Liema sfida se jippreżentalna? U għalhekk nitolbu l-interċessjoni tal-Verġni Marija biex iddawwal il-qlub tagħna, trattab il-qlub tagħna, l-imħuħ tagħna, mimlijin bil-biża’, bil-paniku, imma trattab ukoll il-qalb iebsa ta’ min ġie sedott mill-mibegħda. Illum ma nistgħux ma nitolbux l-interċessjoni ta’ Marija fuq Barċellona, fuq Turku, fuq ir-Russja, fuq id-dinja kollha. Dik l-id tagħha li terfa’ l-mant hija stedina biex aħna nitolbuha l-interċessjoni tagħha lill-Prinċep tal-Paċi, lill-Kewkba tas-Sliem, li huwa Binha.   

    Għallimna, O Madonna, li mhux il-mibegħda imma l-imħabba għandu jkollha l-aħħar kelma. U nitolbu għalhekk għal kull min jagħmel il-paċi, għal dawk li jġibu l-paċi, mhux bil-kliem iebes fuq is-social media, imma bis-solidarjetà konkreta. Nitolbu għal min għandu responsabbiltà jieħu deċiżjonijiet iebsin biex ikun ukoll imdawwal bis-sens kbir ta’ solidarjetà umana.

    Nitolbuk, O Madonna biex inti tkun il-kewkba tal-qalb tagħna u tgħallimna li f’ħutna hemm ix-xbieha ta’ Ibnek Ġesù.

  •  Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta