Tħabbret il‑mewt ta’ Mons. Victor Grech, li permezz ta’ ħidmietu biddel il‑mod li bih is‑soċjetà Maltija bdiet tħares u taffaċċja kwistjonijiet bħad‑droga, l‑alkoħoliżmu, il‑faqar u l‑inġustizzja soċjali.

Mons. Grech miet illum, l‑Erbgħa, 5 ta’ Frar 2025, fl‑9:58am fl‑Isptar Mater Dei, fl‑età ta’ 95 sena.

F’isem il-Knisja f’Malta, l-Arċisqof Charles Scicluna sellem il-memorja ta’ Mons. Grech bħala “saċerdot u benefattur tan-nazzjon li ddedika ħajtu għal Caritas Malta u sawwar il-missjoni u l-viżjoni tagħha għal għexieren ta’ snin”.

Bijografija dwar Mons. Victor Grech

Mons. Victor Grech twieled fid‑19 ta’ Ottubru 1929 f’Bormla u ġie ordnat saċerdot fis‑17 ta’ Marzu 1956. Serva bħala Viċi‑Rettur tas‑Seminarju (1956‑1962) u Rettur tas‑Seminarju (1962‑1977), u kien ukoll Direttur Nazzjonali għall‑Vokazzjonijiet.

Matul iż‑żmien li kien Rettur tas‑Seminarju, Mons. Grech għen biex titwaqqaf il‑komunità tas‑Saċerdoti Maltin fil‑Brażil, u ħadem mill‑qrib ma’ Mons. Dellaport biex jinfetaħ is‑Seminarju tal‑Ewropa f’Maastricht.

Mons. Victor Grech flimkien mal-Ariċsqof Charles Scicluna waqt quddiesa f’Settembru 2024.
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Għal bosta snin kien jgħallem l‑Omeletika fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta u jagħti lectures fuq temi soċjali lill‑istudenti f’Mater Admirabilis Training College f’Tal‑Virtù.

Fl‑1977 inħatar Delegat tal‑Arċisqof fis‑Segretarjat Ħidma Soċjali u ta’ Karità tal‑Knisja.

Fl‑1985 waqqaf Caritas Malta, li tagħha kien Direttur sal‑2014, u l‑ewwel komunità terapewtika f’Malta għal min jabbuża mid‑droga. Għamel ħiltu sabiex fl‑iskejjel tal‑Istat, f’dawk privati u fl‑iskejjel tal‑Knisja jippromwovi programmi edukattivi dwar l‑għarfien u l‑prevenzjoni mid‑droga. Mons. Victor Grech waqqaf ukoll fondazzjoni għall‑persuni bil‑problema tal‑użura, fondazzjoni għar‑rijabilitazzjoni residenzjali, u fetaħ erba’ ċentri residenzjali u outreach centre. Hu kien membru tal‑Eżekuttiv ta’ Caritas Europa u serva għal bosta snin fil‑Bord tal‑Caritas Internationalis.

Fl‑2012, ingħata l‑Premju Ċittadin Ewropew mill‑Parlament Ewropew għall‑ħidma twila tiegħu fil‑qasam soċjali u talli żera’ s‑sinifikat reali tal‑ispirtu Ewropew ta’ solidarjetà u volontarjat kemm f’Malta kif ukoll fl‑Ewropa.

Għal 40 sena Mons. Grech kien jippreżenta u jxandar programmi fuq ir‑radju dwar kwistjonijiet taż‑żgħażagħ u tal‑familja.

Fl‑2021 ngħata l‑Premju Anzjanità Attiva u fl‑2023 kien rikonoxxut bil‑Premju Nazzjonali Ħaddiem tas‑Sena. L‑aħħar unur li ngħata Mons. Grech kien f’Diċembru 2024 meta rċieva l‑Premju Nazzjonali Speċjali għall‑Ħidma Volontarja.

Mons. Victor Grech jgħannaq wieħed mill-gradwati ta’ Caritas Malta fl-2024
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace