Tlesta x‑xogħol ta’ restawr u konservazzjoni fuq żewġ kappelli ddedikati lil Marija Assunta, magħrufa bħala ‘taż‑Żellieqa’ u ‘ta’ Bernarda’, żewġ kappelli tas‑seklu 17 li jinsabu f’Ħal Għargħur. Dan sar mill-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal‑Unjoni Ewropea. Il‑proġetti ġew inawgurati mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi u mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Preżenti wkoll is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, u l‑kappillan Dun Christopher Galea.
Iż‑żewġ kappelli sarilhom xogħol ta’ restawr estensiv minn barra u minn ġewwa minħabba d-deterjorazzjoni matul is-snin. L‑investiment fuq il‑Kappella taż‑Żellieqa, li tinsab fil‑periferija ta’ Ħal Għargħur u tħares fuq Wied il‑Faħam, kien ta’ kważi €121,000. Il‑proġett kien jinkludi wkoll l‑irranġar taz‑zuntier. Fil‑każ tal‑Kappella ta’ Bernarda, li tinsab f’waħda mit-toroq dojoq u antiki tar‑raħal, saru mill‑ġdid sistema ta’ dawl u awdjo biex il-kappella tkun tista’ taqdi aħjar il-ħtiġijiet tal-komunità. Ix‑xogħol ammonta għal ftit aktar minn €50,000.
L‑Isqof Joseph Galea‑Curmi qal li hu ta’ sodisfazzjon li fil‑parroċċi f’Malta qed jikber l‑impenn biex il‑poplu jgħożż il‑patrimonju kulturali Kattoliku, li jfakkar fl‑istorja reliġjuża antika u sabiħa tal‑poplu Malti. “Jalla dan li qed nagħmlu llum iservi bħala stedina biex inkomplu napprezzaw il‑wirt sabiħ li għandna, biex dawk li jiġu warajna jistgħu jagħrfu aħjar il‑valuri umani li tassew jgħinu bil‑bini tas‑soċjetà Maltija.” L‑Isqof Awżiljarju rringrazzja lil kull min kien involut f’dawn il‑proġetti. Irringrazzja wkoll lill‑kappillan Dun Christopher Galea u lill‑parruċċani ta’ Ħal Għargħur tas‑sehem tagħhom.
Is‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal kif fil‑lokalità ta’ Ħal Għargħur ġew irrestawrati żewġ kappelli b’investiment ta’ aktar minn €170,000 kofinanzjati b’fondi Ewropej. Dr Zrinzo Azzopardi qal li “grazzi għal dan il‑proġett u proġetti oħra simili qed inkomplu nħarsu l‑wirt storiku ta’ pajjiżna u nipprovdu lit‑turisti esperjenza aktar komprensiva, fejn kulħadd għandu l‑opportunità jżur u japprezza dawn l‑opri arkitettoniċi li jżewqu l‑pajsaġġ Malti”.
Michael Pace Ross qal li sabiex il‑pubbliku Malti u t‑turisti li se jżuru l‑kappella taż‑Żellieqa jkollhom esperjenza ħolistika, il‑parroċċa ħadet l‑opportunità tirrestawra minn flusha l‑inkwatru titulari li juri t‑Tlugħ tal‑Verġni Marija fis‑Sema. Qal ukoll li aktar ’il quddiem se jiġu rrestawrati wkoll żewġ pitturi li jinsabu fil‑kappella ta’ Bernarda. Pace Ross faħħar il-koperazzjoni li teżisti bejn il‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta u s‑Segretarjat għall‑Fondi Ewropej li permezz tagħhom qed jitħares dejjem aktar il‑patrimonju Malti.
Il‑kappella taż‑Żellieqa u ta’ Bernarda qed jibbenefikaw mill‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali 2014‑2020.